L-Unjin tal-Għalliema (MUT) qalet li hi temmen li l-lingwi barranin għandhom ikunu rekwiżiti biss għad-dħul fil-postsekondarja, u mhux waqt il-postsekondarja, kif qed tipproponi r-riforma tal-MATSEC. F’din ir-riforma proposta, skont l-MUT, il-Malti u l-Ingliż ġew injorati kompletament u l-edukaturi tas-Systems of Knowledge ma jafux kif se jinbidel xogħolhom.

Aqra: Riforma MATSEC: “X’se jiġri lil-letteratura?” – HELA

L-MUT qalet li kkonsultat mal-membri tagħha, u beħsiebha tgħaddi l-pożizzjoni tagħha dwar ir-riformi proposti tal-MATSEC lill-MATSEC direttament.

Aqra: Ma naħsbux li sar kuntatt biżżejjed mal-istudenti dwar ir-riforma tal-MATSEC – KNŻ

“Ma spjegawx kif se taħdem ir-riforma”

Madankollu, fi stqarrija l-Unjin spjegat li l-informazzjoni pprovduta fid-dokument konsultattiv kienet waħda “fjakka,” li kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni qabel ħareġ id-dokument u lmentat ukoll dwar il-fatt li dan ħareġ ġimgħa qabel tmiem is-sena skolastika. Jidher illi l-partijiet involuti saru jafu biss permezz tal-midja.

Dwar il-kontenut tar-riforma, l-MUT qalet li fost it-tħassib tagħha, hemm il-fatt li l-assessjar kontinwu mhuwiex riflessjoni tas-sillabi tal-livell postsekondarju u li m’hemmx mekkaniżmi dwar kif din se taħdem. L-MUT aċċennat ukoll għat-tħassib ta’ diversi dipartimenti universitarji u għaqdiet tal-lingwa dwar dan x’se jfisser għall-futur tal-Malti u l-Ingliż, u anke tal-letteratura.

Aqra: Riforma MATSEC: “Lingwa barranija obbligatorja se tfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż”

L-MUT qalet li għandha tħassib kbir ukoll dwar kif il-MATSEC se tkompli tiddetermina dak li jiġri fl-istituzzjonijiet edukattivi fis-settur postsekondarju, meta t-tibdil għandu jiġi mis-settur u l-MATSEC tirrispondi għalih bħala service provider.

Aqra: Filmat: Jitħabbru bidliet fil-MATSEC

“Erġajna morna għal sistema antika”

L-Unjin hi mħassba dwar kif “erġajna morna għal sistema antika fejn l-eżamijiet iridu jsiru kollha flimkien.” Hi esprimiet il-fehma li donnu b’dak li qed jinħoloq, il-ħajja għall-edukaturi u l-istudenti qed issir dejjem iżjed diffiċli.

Fl-aħħar, l-MUT tenniet it-talba li diġà għamlet lill-Gvern, u li skontha, s’issa waqgħet fuq widnejn torox, biex jibdew in-negozjati tal-gradi fil-livell postsekondarju.