Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hu b’nuqqas ta’ ppjanar li l-Ministru għat-Trasport Ian Borg “se jkisser il-proġett” ta’ €90,000 li għamel sentejn ilu f’Santa Luċija, biex minflok jagħmel proġett li jiswa miljuni kbar.

Aqra: Ritratti: Jitqaċċtu s-siġar biex jibda l-proġett f’Santa Luċija

Dan qalu waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tal-PN, NET FM.

Aqra: Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ma jispeċifikax fejn se jitħawlu s-siġar tal-jogging track

Din il-ġimgħa bdew jitqaċċtu s-siġar għal dan il-proġett, li se jkun ta’ detriment għall-jogging track li saret fl-istess post sentejn ilu. Illum tliet żgħażagħ attivisti marru f’Santa Luċija b’dimostrazzjoni kontra t-tqaċċit tas-siġar.

Aqra: Aġġornata: Attivisti żgħażagħ jissakkru mill-ħaddiema waqt dimostrazzjoni 

“Meta l-barmil taż-żejt niżel fis-suq internazzjonali, f’Malta għola l-fjuwil”

Delia tkellem ukoll fuq iż-żieda fil-fjuwil, u qal li kien hemm żmien meta l-poplu kien qed iħallas €1.28 għad-diesel kien meta l-prezz taż-żejt kien 103 dollari l-barmil, imma din il-ġimgħa l-barmil niżel għal 54 dollaru fl-istess ġurnata li Malta għola. Qal li l-unjins kollha tkellmu fuq hekk, inkluż il-General Workers’ Union li qal li għandhom rabta mal-Partit Laburista, imma l-Gvern baqa’ sieket.

Aqra: Il-petrol jiswa daqs fl-2011 minkejja li l-barmil taż-żejt 50% inqas

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar it-traffiku u qal li n-numru ta’ karozzi fit-toroq huma tal-biża’, bi 82 karozza liċenzjata kuljum. Żied jgħid li fl-aħħar ta’ Ġunju kien hemm kważi 400,000 karozza fit-toroq, u li ma jistax ikun li jiżdiedu iżjed karozzi.

Ir-riforma fil-Partit

Fi tmiem il-kollegament, Delia indirizza r-riforma fil-Partit Nazzjonalista mmexxija minn Louis Galea, u ħeġġeġ lil min jixtieq jgħin biex jikkuntattja lill-Partit. Qal li diġà qed jibagħtu diversi nies, u mhumiex biss akkademiċi u letturi, imma anke nies komuni. Qal ukoll li l-PN għaddej b’workshops fejn qed jagħmlu riċerka biex itejbu l-mezzi soċjali biex jużawhom mingħajr ma jweġġgħu.

Aqra: Il-PN jibda jfittex voluntiera biex jgħinu fir-riforma

Ironika li Delia jgħid li l-Gvern bla pjan – PL

B’risposta għal dan il-kollegament, il-Partit Laburista qal li hija ironika li Delia jgħajjar lill-Gvern bla pjan meta hu “mhuwiex kapaċi jagħmel pjan għall-Oppożizzjoni” peress li kellu jdur għal Louis Galea biex jgħin.