Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li hi favur il-proposta tal-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield dwar id-dormitorju tal-Università Amerikana. Bedingfield kien qal li l-pjanijiet biex id-dormitorju jinbena fl-uniku spazju miftuħ bejn l-Isla u Bormla għandhom jieqfu u minflok għandha tkun kunsidrata l-binja bl-isem ta’ Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara jew il-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fil-Birgu.

Skont sqtarrija maħruġa minn FAA, l-organizazzjoni għandha informazzjoni li s-sid tal-Fortizza tas-Salvatur hu lest li jinnegozja mal-gvern. L-organizazzjoni saħqet li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tipprovdi aktar spazji miftuħa, b’mod speċjali fejn hemm densità kbira ta’ bini bħalma huma t-tliet ibliet. Għalkemm il-proposta tmur kontra l-politika tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-Uffiċjal tal-Każ tal-Awtorità tal-Ippjanar qed jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-applikazzjoni fis-smigħ tat-12 ta’ Settembru.

FAA qalet li tispera li l-gvern ibiddel fehmtu u jalloka kemm id-dormitorju kif ukoll il-binja amministrattiva tal-Università Amerikana. Ir-riallokazzjoni ta’ dawn il-binjiet se jkunu qed jevitaw binja ġdida tul it-Triq 31 ta’ Marzu. FAA appellaw biex id-drittijiet taċ-ċittadini jitpoġġew l-ewwel u qabel id-domandi tal-iżviluppaturi.