Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iniedi l-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għall-Fond għall-Addattament Ċinematografiku, maħsub biex jippromwovi aktar ix-xogħlijiet letterarji Maltin billi jappoġġja l-produzzjoni ta’ addattament ta’ film ibbażat fuq rumanz rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Ix-xogħol letterarju li se jiġi addattat irid ikun ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-Kategorija tar-Rumanzi bil-Malti jew bl-Ingliż jew inkella kien finalist fl-istess kategorija minn kemm ilu li beda l-Premju (mill-1971). Il-verżjoni finali tal-film m’għandhiex tkun inqas minn 80 minuta. Dawk li jiksbu l-fond jistgħu jingħataw sa massimu ta’ €200,000.

Kumpaniji tal-produzzjoni awdjoviżivi interessati li japplikaw għandhom ikollhom id-drittijiet li jaddattaw ir-rumanz kif ukoll li jipproduċu u jqassmu l-film, bi ftehim ta’ għażla mal-awtur jew min għandu d-drittijiet tal-awtur qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll pjan iddettaljat tal-proġett, analiżi finanzjarja, u ittri ta’ intenzjoni mid-Direttur(i) u l-Produttur(i).

Il-benefiċjarju tal-għotja għall-produzzjoni, imqassma tul tliet snin finanzjarji, se jkun meħtieġ li jidħol fi ftehim kuntrattwali mal-KNK sa mhux aktar tard minn Diċembru 2019, u jkun mistenni li jwassal verżjoni finali tal-film lill-Kunsill sal-2021.

Kif tapplika?

L-applikanti għandhom jibagħtu erba’ kopji stampati tal-applikazzjoni u d-dokumenti l-oħra lil Michael Mercieca sad-29 ta’ Settembru, bil-posta jew personalment, f’dan l-indirizz: il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, Triq Joseph Mangion, il-Furjana, FRN 1800.

L-applikazzjoni minn hawn u l-linji gwida minn hawn.