Kelb tal-fenek li nstab miksi b’għexieren ta’ qurdien riċentament ġie salvat u qed jittama għal ħajja aħjar.

Il-kelb ġie salvat minn Maria D’Amato, Claire Gafa u Johann Sy, li sabu li kellu eluf ta’ qurdien li rriżultaw f’infezzjoni. Hu kien infettat ukoll bl-anemija, kien dgħajjef u muġugħ. Il-qurdien tneħħewlu kollha u ngħata l-mediċina kollha li kellu bżonn.

Il-kelb issemma Cooper u bħalissa jinsab fi ħdan is-Santwarju tal-klieb ta’ Noah’s Ark. It-Tlieta filgħodu, hu kellu viżta għand il-vet u anke testijiet tad-demm sabiex jaraw jekk kellux xi organi li ġew affettwati kawża ta’ dan kollu. Dan ikkonfermatu D’Amato stess ma’ Newsbook.com.mt. Hi rringrazzjat ukoll lil Noah’s Ark tal-għajnuna li taw lilha u lill-kelb.

D’Amato salvat ukoll kelba Tal-Kaċċa li issa semmewha Alice mill-istess post fejn instab Cooper. Hi kienet ukoll miksija fil-qurdien. Hi bħalissa qed tistenna sabiex tagħmel ultrasound hekk kif jidher li hemm ċans li għandha problemi fl-istonku.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni għat-testijiet tad-demm, pilloli u kontijiet tal-veterinarju tista’ tagħmel dan fuq dawn in-numri:

  • 50617351 – €2.33
  • 50618072 – €4.66
  • 50619202 – €11.65

Jew inkella tista’ tibgħat donazzjoni permezz ta’ Revolut fuq 99080806, billi tikteb li din hija donazzjoni għal Noah’s Ark.