L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tiddeċiedi fuq il-pjanti tal-Università Amerikana ta’ Malta għal blokka ġdida għall-akkomodazzjoni tal-istudenti tagħha f’Bormla f’Settembru, wara li rat li skont il-pjanti li ġew proposti, il-binja kienet se tkun fil-għoli wisq.

Id-Direttorat tal-Ippjanar irrifjuta l-pjanti kurrenti li jikkonsistu f’kumpless ta’ erba’ sulari u parkeġġ taħt l-art mibni fuq il-parkeġġ li hemm ħdejn il-grada li tagħti għall-Isla. Minflok, id-Direttorat irrakkomanda lill-Università li tippreżenta applikazzjoni ġdida għall-blokka.

Il-Kumitat tad-Disinn tal-Awtorità insista li għalkemm il-proposti kienu tajbin, il-blokka kieku tkun għolja wisq u ta’ detriment għall-bini tal-madwar. L-għoli tal-bini kellu jkun 20 metru, li skont il-Kumitat, ma jikkumplimentax il-bqija tal-faċilità universitarja proposta.

Aqra: Filmat: Il-PD joġġezzjona għal żieda ta’ 5 sulari fl-AUM

Rakkomandazzjoni li ntlaqgħet tajjeb

Rakkomandazzjoni biex l-akkomodazzjoni tkun f’binja mhux użata qrib il-kampus irċiviet rispons pożittiv mid-Direttorat. Skont l-Università Amerikana, il-binja iridu jsirulha xi tibdiliet minn ġewwa, jinbena sular ieħor u anke sala ġdida. Huwa mifhum li d-Direttorat approva l-iżvilupp ta’ kumpless amministrattiv bejn il-binjiet tal-Brittaniċi u tal-Kavallieri.

Is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali insistiet li l-iżviluppaturi jridu joħorġu stqarrija dwar il-metodu li beħsiebhom jimplimentaw fix-xogħlijiet. Il-pjanta għandha tinvolvi wkoll struttura tal-ħadid u tal-ħġieġ għal fuq is-sular ta’ fuq il-Binja tal-Kavallieri.

Aqra: “La jimtela l-kampus ta’ Bormla jinbena taż-Żonqor” – Il-PM dwar l-AUM

“Binja kbira wisq għal 12-il student” – Bedingfield

Il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield kien ippropona li l-Università tikkunsidra li tuża l-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara jew il-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fil-Birgu għall-akkomodazzjoni tal-istudenti. Qal li l-binja proposta hija kbira wisq għal 12-il student.

Aqra: ‘Ċaqalqu l-bini tad-dormitorju tal-Università Amerikana’ – FAA

Flimkien Għal Ambjent Aħjar appoġġja din l-idea.