Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli qal li l-121 immigrant abbord il-bastiment Proactive Open Arms għandhom jingħataw għajnuna mill-aktar fis possibbli.

Dan qalu f’ittra li kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li wasal biex jispiċċa t-terminu tiegħu bħala President.

Aqra: 2 nisa tqal u 2 itrabi fost il-124 persuna salvati mill-Open Arms

Sorsi mill-Kummissjoni Ewropea qalu lil Newsbook.com.mt jumejn ilu li l-Kummissjoni għadha ma bdietx tikkordina ftehim ad hoc fil-każ tal-bastimenti ta’ Open Arms, peress li kienu għadhom ma rċivewx talba għall-kordinazzjoni.

Fl-ittra tiegħu, Sassoli rrefera għal diversi każijiet ta’ diżgwid bejn stati membri dwar bastimenti ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Qal li s-sejħa tal-Parlament Ewropew biex jitranġa r-Regolament ta’ Dublin wasslet biex il-gvernijiet jisfruttaw min-nies li jkunu bejn sema u ilma għal “skopijiet politiċi.” Osserva li kull meta jkun hemm każ ta’ bastiment fl-ibħra Ewropej, il-każ jirrepeti ruħu u l-gvernijiet jużaw l-istess retorika.

Skont il-liġi internazzjonali, l-immigranti salvati fil-baħar minn bastimenti Ewropej ma jistgħux jintbagħtu lura l-Libja, fejn ikun hemm sfruttar tad-drittijiet umani. Tul l-aħħar sena, kien hemm diversi ftehimiet ad hoc li ppermettew lil bastimenti tal-NGOs jidħlu Malta qabel ma ġew irrilokati l-immigranti f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Dawn kienu kordinati mill-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni.

Nhar il-Ħamis li għadda, il-bastiment Open Arms salva 53 adult u żewġt itrabi minn fuq dgħajsa. Iżjed tard dakinhar stess, salvaw 69 persuna oħra. Is-Sibt, ġew evakwati żewġ nisa tqal minn fuq il-bastiment. 27 persuna mit-32 minorenni abbord qed jivvjaġġaw waħedhom.