Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-ktieb Gozo, an island of beauty, history and culture. Il-ktieb, b’narrattiva tal-istoriku Joseph Bezzina, u b’ritratti tal-fotografu Daniel Cilia, sar bl-inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex.

Il-Ministru  Caruana qalet li xtaqet u promoviet din il-pubblikazzjoni biex isservi bħala vetrina għal Għawdex, bħala rigal lill-mistednin distinti li jżuruna. Għawdex sabiħ wisq, u din is-sbuħija qiegħda toħroġ b’mod eċċellenti fil-pubblikazzjoni. Il-ministru kompliet billi qalet li dan il-ktieb se jilħaq l-iskop li għalih sar, li juri s-sbuħija, l-istorja, u l-kultura ta’ gżiritna.

L-awtur, Rev. Dr Joseph Bezzina spjega kif il-ktieb hu mqassam f’seba’ kapitli: tagħrif ġenerali fuq Għawdex u Kemmuna; ġirja ma’ sebat elef sena ta’ storja; l-Għawdxin, il-lingwa, u l-ikel preferit ta’ Għawdex; għaxar leġġendi minn Għawdex; tagħrif ħafif fuq iċ-Ċittadella, ir-Rabat, l-irħula, u l-ħariet tal-gżira; il-festi patronali; u fl-aħħar, iċ-ċelebrazzjonijiet li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jorganizza fuq skala reġjonali. Dr Bezzina spjega li għalkemm ir-riferenzi ma ddaħħlux fi ktieb ta’ din ix-xorta, kulma nkiteb hu bbażat fuq id-dokumenti li hu jifli fl-Arkivju Nazzjonali li jmexxi hu, u f’arkivji oħra. Anki l-parti dwar l-ikel partikolari ta’ Għawdex hi bbażata fuq riċerka arkivistika.

Hu żied jgħid li l-arkivji huma teżor ewlieni ta’ Għawdex għax bir-riċerka fihom wieħed isir jaf aħjar l-istorja u l-identità tagħna.

Il-fotografu Daniel Cilia stqarr kemm għandu għal qalbu l-gżira ta’ Għawdex u, minkejja li kemm-il darba ddokumenta bir-ritratti tiegħu s-suġġetti ta’ dan il-ktieb, xorta waħda rnexxielu jsib biżżejjed suġġetti oriġinali biex ikun jista’ joħloq ktieb ġdid bħal dan.

Caruana, li għalqet it-tnedija tal-ktieb, saħqet kemm hi importanti l-kultura u l-istorja ta’ Għawdex, kemm bħala prodott turistiku u iktar u iktar bħala identità u patrimonju nazzjonali. Ħabbret li l-ministeru ħa l-inizjattiva biex jinħareġ ktieb miktub speċifikament għat-tfal biex minn ċkunithom isiru konxji tal-patrimonju kulturali ta’ Għawdex u b’hekk jinħoloq fihom sens ta’ apprezzament għall-wirt kollu ta’ gżiritna, apprezzament għall-patrimonju storiku u kulturali ta’ Għawdex.

Il-ktieb Gozo, an island of beauty, history, and culture jinsab għall-bejgħ mil-librara ewlenin.

Ritratti: MGOZ

Filmat: CVC