It-tanker "Stena Impero" li nħataf fil-Golf

L-Apostolat tal-Baħar tal-Knisja Kattolika wera t-tħassib tiegħu wara li nħataf tanker ieħor fil-Golf Għarbi u appella biex id-drittijiet tal-baħħara li jaħdmu f’dan ir-reġjun ikunu rispettati wkoll.

Dan l-appell sar wara li nħataf it-tieni tanker taż-żejt bis-seba’ membri tal-ekwipaġġ li kien hemm fuqu għax allegatament kien qed jittraffika żejt bil-kuntrabnadu.

Tilwima serja

It-traffiku tat-tankers fil-Golf qed ikun fiċ-ċentru ta’ tilwima serja bejn l-Istati Uniti u l-Iran wara li s-sena li għaddiet il-President Amerikan Donald Trump kien iddeċieda li ma jonorax Ftehim li kien intlaħaq fl-2015 bejn l-Iran u l-potenzi mondjali u mpona sanzjonijiet fuq l-Iran.

F’din il-kwestjoni  issa daħlet ukoll l-Ingilterra wara li t-tanker “Stena Impero” li jġorr bandiera tar-Renju Unit, inħataf fil-Golf fuq allegazzjoni ta’ ksur ta’ regoli marittimi.

Rispett għad-Drittijiet

John Green, Direttur tal-Iżvilupp tal-Apostolat tal-Baħar, qal lil Vatican News li huma nkwetati ħafna dwar is-saħħa tal-membri tal-ekwipaġġ li hemm fuq iż-żewġ tankers u sostna li d-drittijiet ta’ dawn il-baħrin għandhom ikunu rispettati.

Green innota li l-ħtif tat-tieni vapur se jżid it-tensjoni u l-ansjeta fuq il-baħrin li jgħaddu mir-reġjun tal-Golf. “Ekwipaġġi oħra li qed ibaħħru fl-inħawi jibdew jitħassbu jekk hux se tmisshom l-istess xorti”. Qal li dawn is-sitwazzjonijiet iħallu effett ukoll fuq il-familjari tal-baħħara.

Dan l-aħħar, l-Apostolat tal-Baħar ippublika gwida dwar x’għandu jsir meta vapur ikun qed jiffaċċja investigazzjoni kriminali jew ikun qed jiġi nvestigat mill-awtoritajiet.

“Rajna x’tip ta’ pariri nistgħu nagħtu lil xi ħadd li jkun arrestat jew miżmum f’xi ġurisdizzjoni barranija u din il-gwida hi bażata fuq il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Trattament Ġust lill-Individwi”, qal Green.

L-Apostolt tal-Baħar – Stella Maris – hi l-akbar orġaniżazzjoni fid-dinja li tagħti għajnuna lill-baħħara f’aktar minn 330 port madwar id-dinja u tgħin ukoll lill-familji tagħhom.