L-attur Amerikan Richard Gere żar il-bastiment Spanjol Open Arms li bħalissa jinsab bejn sema u ilma jistenna lil xi pajjiż fil-viċinanzi joffrilu port ta’ sigurtà. Fuq il-bastiment hemm 121 immigrant li ilhom hemm għal sebat ijiem, wara li kemm l-Italja u anke Malta rrifjutat li toffri port ta’ sigurtà.

Proactiva Open Arms ħarġu ritratti fuq Twitter tal-wasla tal-konsenja tal-ikel fuq il-bastiment flimkien ma’ Gere inniffsu jqassam l-ikel. Gere żar il-bastiment bil-għan li jieħu l-ikel għall-ekwipaġġ u l-persuni kollha salvati. Hu wasal fuq il-bastiment permezz ta’ yatch b’sinjal li jgħid “M’intkomx waħedkom”. Il-bastiment Open Arms bħalissa jinsab fiċ-Ċentru tal-Mediterran jitlob għal port ta’ sigurtà. Il-President tal-NGO Oscar Camps jinsab ukoll fuq il-bastiment.

Flimkien mal-attur mar ukoll il-preżentatur tat-televiżjoni u l-eks player tar-rugby Gabriele Rubini, magħruf bħala Chef Rubio. Huma se jkunu qed jagħmlu konferenza tal-aħbarijiet għada fejn se jitolbu għal port ta’ sigurtà.

L-ekwipaġġ tal-bastiment tal-NGO Proactiva Open Arms salva 53 immigrant u żewġ trabi minn fuq dgħajsa l-Ħamis li għadda. Aktar tard dakinhar stess, l-istess bastiment salva 69 persuna oħra. Is-Sibt, żewġ nisa tqal ġew evakwati minn fuq il-bastiment.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana, ANSA, irrappurtat li l-attur mar Lampedusa sabiex juri s-sapport tiegħu lill-NGO Spanjola u l-124 immigrant salvati fl-1 ta’ Awwissu.

Aqra: Open Arms: Sassoli jappella lill-pajjiżi Ewropej biex jgħinu lill-121 immigrant

Il-Kummissjoni Ewropea tappella għall-għajnuna mill-Istati Membri

Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli kiteb lill-Kummissjoni Ewropea l-Ħamis sabiex jitlobha tieħu azzjoni immedjata sabiex titratta l-każ bħala wieħed ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni Ewropea fil-passat irnexxielha tikkordina meta jkun hemm dan it-tip ta’ staġnar bejn l-istati membri.

Aqra: 2 nisa tqal u 2 itrabi fost il-124 persuna salvati mill-Open Arms

Waqt briefing illum Annika Breidthardt, kelliema għall-Kummissjoni Ewropea, qalet li fil-jiem li ġejjin il-Kummissjoni se tkun qed twieġeb għall-ittra. Breidthardt qalet li l-Kummissjoni kemm-il darba talbet lill-Istati Membri sabiex tassigura li l-aspett uman jiġi l-ewwel u qabel kollox u sabiex jinstabu soluzzjonijiet immedjati għal persuni salvati fuq il-baħar.

Ma waslitilna l-ebda talba għall-medjazzjoni

Il-kelliema għall-Kummissjoni qalet li ma waslitilha l-ebda talba sabiex isservi ta’ medjatur sabiex jintlaħaq ftehim ad hoc ieħor bejn l-Istati Membri. Hi qalet li l-Kummissjoni indipendentament ippruvat titkellem ma’ stati membri u staqsiethom sabiex juru solidarjetà u jikkontribwixxu sabiex tinstab soluzzjoni għall-persuni abbord.

Aqra: Dgħajsa b’40 persuna u 4 trabi sejra lejn Lampedusa – Open Arms

Breidthardt fakkret li l-Kummissjoni Ewropea ma għandha l-ebda kompetenza fejn tidħol il-koordinazzjoni tal-ħidma għat-tiftix u s-salvataġġ, jew indikazzjonijiet għall-iżbarkar.