L-attur Richard Gere appella lill-Gvern Taljan biex jieqaf “jiddemonizza lin-nies” u minflok, jgħin lill-immigranti li ilhom fuq il-bastiment Open Arms għal iżjed minn ġimgħa.

Aqra: Malta lesta tieħu 39 immigrant; deċiżjoni li qed toħloq tensjoni – Open Arms

Gere, li żar il-bastiment Open Arms nhar il-Ġimgħa u ħadilhom konsenja ta’ ikel, kien parti minn konferenza tal-aħbarijiet f’Lampeduża, jappoġġja t-talba biex il-160 immigrant bejn sema u ilma jitħallew jinżlu hemm.

Aqra: Richard Gere jżur l-immigranti fuq il-bastiment ta’ Open Arms

Huwa kkumpara s-sitwazzjoni politika fl-Italja ma’ dik fl-Istati Uniti, u semma similaritajiet bejn it-tmexxija ta’ Salvini u ta’ Trump fil-konfront tal-immigranti. Huwa akkuża liż-żewġ politiċi li jiddemonizzaw lill-immigranti. Qal li jeħtieġ li dan l-atteġġjament jieqaf madwar id-dinja kollha.

Aqra: 2 nisa tqal u 2 itrabi fost il-124 persuna salvati mill-Open Arms

Il-bastiment ilu disat ijiem b’121 immigrant abbord, u mbagħad ilbieraħ salva 39 ruħ oħra. L-awtoritajiet Maltin qalu li huma offrew li jieħdu lil dawn abbord, iżda l-għaqda qaltilhom li magħhom iridu jieħdu wkoll il-121 immigrant. Il-Maltin irrifjutaw.

Aqra: Open Arms: Sassoli jappella lill-pajjiżi Ewropej biex jgħinu lill-121 immigrant