Tela’ għal 56 in-numru ta’ vittmi li tilfu ħajjithom kawża tat-Tifun Lekima fil-Lvant taċ-Ċina, bi 12-il persuna minnhom jitilfu ħajjithom minħabba li kienu esposti direttament għall-maltempata waqt li kienu barra. 16-il persuna għadhom rappurtati nieqsa.

Lekima laqat l-akwati ta’ viċin Shanghai kmieni s-Sibt filgħodu b’riħ b’veloċità ta’ 187km fis-siegħa. Il-Ħadd Lekima laqat il-Belt ta’ Shanghai, fejn hemm popolazzjoni ta’ madwar 20 miljun persuna. Kawża tat-Tifun kellhom ikunu kanċellati aktar minn 3,000 titjira.

Is-servizzi tal-emerġenza qed jikkumbattu l-elementi sabiex isalvaw diversi sewwieqa li sfaw maqbuda fil-vetturi tagħhom kawża tal-għargħar ikkaġunat mit-tifun. Il-periklu kompla jiżdied hekk kif tqaċċtu diversi siġar kbar u nqata’ d-dawl f’diversi żoni.