Żewġ nisa mill-grupp ta’ persuni li ġew salvati mill-Open Arms ġew evakwati lejn Malta, hekk kif intalbet evakwazzjoni medika. Huma ġew evakwati flimkien mal-qraba tagħhom u b’hekk it-total tela’ għal tmien persuni.

Nhar il-Ħamis l-1 ta’ Awwissu l-ekwipaġġ ta’ Open Arms, bastiment Spanjol, salva grupp ta’ 124 immigrant mill-għarqa. Fost il-grupp hemm tewmin ta’ disa’ xhur. Il-bastiment salva 39 persuna oħra matul il-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt taħt il-koordinazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta.

AQRA: L-immigranti jibqgħu bejn sema u ilma; Malta tgħid ‘le’

Kelliema għall-Open Arms qalet ma’ Newsbook.com.mt li ntalbet evakwazzjoni medika għal tliet persuni lill-awtoritajiet Maltin. Hi spjegat li l-awtoritajiet Maltin kienu qed jitkellmu mal-awtoritajiet Taljan. Ir-raġel ġie evakwat lejn l-Italja filwaqt li ż-żewġ nisa flimkien mal-familja tagħhom ġew evakwati lejn Malta. Dawn in-nies ġew trasferiti fuq il-vapur tal-Forzi Armati ta’ Malta P21 u ddaħħlu Hay Wharf.

Għaldaqstant b’kollox se jkunu saru tmien evakwazzjonijiet għar-raġunijiet mediċi.

Sfond

Il-bastiment Spanjol Open Arms salva żewġ gruppi ta’ persuni mill-għarqa il-Ħamis, f’żewġ operazzjonijiet ta’ salvataġġ differenti. Iktar tard huma talbu port sigur fejn jistgħu jitniżżlu l-immigranti kemm lil Malta u lill-Italja, iżda ż-żewġ pajjiżi rrifjutaw.

Fost dawk salvati dakinhar hemm nisa tqal u trabi ta’ 9 xhur.

AQRA: 2 nisa tqal u 2 itrabi fost il-124 persuna salvati mill-Open Arms

Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli kiteb lill-Kummissjoni Ewropea nhar il-Ħamis li għadda jitlob għal soluzzjoni urġenti għall-immigranti maqbuda bejn sema u ilma.

AQRA: Open Arms: Sassoli jappella lill-pajjiżi Ewropej biex jgħinu lill-121 immigrant

Il-Ġimgħa l-attur Amerikan Richard Gere flimkien ma’ Chef Rubio żaru l-bastiment biex juru s-solidarjetà tagħhom mal-bastiment maqbud bla port sigur. Huma ħeġġew biex tinsab soluzzjoni mill-iktar fiss.

AQRA: Richard Gere jżur l-immigranti fuq il-bastiment ta’ Open Arms

Il-Ġimgħa bil-lejl l-ekwipaġġ ta’ Open Arms salva 39 persuna oħra mill-għarqa wara li l-Forzi Armati ta’ Malta ġew infurmati li hemm dgħajsa qed tgħereq. Wara li nħareġ messaġġ biex jassistu, l-Open Arms li kien fil-viċinanzi mexxa l-operazzjoni ta’ salvataġġ taħt il-koordinazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta.

AQRA: Malta lesta tieħu 39 immigrant; deċiżjoni li qed toħloq tensjoni – Open Arms

Malta offriet li tieħu d-39 immigrant li ġew salvati, iżda Open Arms insistiet li għandhom jittieħdu kollha fuq l-art. Għaldaqstant 151 persuna li qed ifittxu ażil flimkien mal-ekwipaġġ baqgħu maqbuda fuq il-bastiment.