Il-Forzi Armati ta’ Malta qalet dalgħodu li lbieraħ ġiet mgħarrfa b’żewġ persuni li kienu jinsabu fuq dingi f’nofs ta’ baħar. Wieħed minnhom iddaħħal Malta mejjet.

Armed Forces of Malta

Fi stqarrija, l-AFM spjegat li lbieraħ filgħaxija wettqet ħidma ta’ salvataġġ ta’ żewġ persuni minn fuq dgħajsa hekk kif dawn kienu jinsabu f’kundizzjoni kritika. L-ewwel persuna ddaħħlet fil-bażi tal-ajru tal-AFM permezz ta’ ħelikopter tal-armata. It-tieni persuna ġie spjegat li ddaħħal Malta permezz ta’ bastiment tal-armata.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-persuni huma ta’ karnaġġjon skur, madanakollu għadu ma ġiex stabbilit jekk dawn humiex immigranti jew le.

Intant matul il-lejl li għadda kien hemm ukoll ħidma ta’ tiftix u salvataġġ għaddejja fiċ-Ċentru tal-Mediterran, fejn dingi li kien qed iġorr immigrant ingħad li kien jinsab fil-periklu li jgħereq.

Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta spjegat ma’ Newsbook.com.mt li waqt il-ħidma kien hemm ukoll involuti l-Forzi Armati ta’ Malta. Waqt din il-ħidma jidher li l-AFM għamlet użu mill-ħelikopter marittimu tagħha.

Intant, Tweet minn ġurnalist tar-Radju Taljan Sergio Scandura spjegat li d-dingi kien jinsab madwar ħames sigħat ‘il bogħod minn kull tip ta’ bastiment kummerċjali jew tal-ħidma u salvataġġ. Intant, skont il-lokazzjoni ġeografika, id-dingi kien jinsab fin-nofsinhar ta’ Lampedusa.

Skont Tweet ta’ Doctors Without Borders (MSF) ġie spjegat li lbieraħ wettqu ħidma ta’ salvataġġ. Qalu li ftit tal-minuti wara li qassmu l-ġkieket tas-salbataġġ, tubu tal-lasktu tad-dgħajsa infaqa u kkawża għadd ta’ persuni sabiex jaqgħu fil-baħar. 105 persuni oħra issa jinsabu abbord Ocean Viking, fejn l-ammont ta’ persuni abbord issa tela’ gaħl 356.