L-Aġenzija għar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda qed tappella lill-Istati Membri Ewropej sabiex jagħtu permess għall-iżbark ta’ 507 persuni li ġew salvati fiċ-Ċentru tal-Mediterran fl-aħħar jiem.

Fi stqarrija l-Aġenzija qalet li bosta minn dawn il-persuni rnexxielhom isalvaw mill-abbużi kbar fil-Libja u għalhekk jinsabu fi bżonn kbir ta’ assistenza umanitarja. Qalet li xi wħud diġà esprimew l-intenzjoni li jfittxu protezzjoni internazzjonali.

Aqra: Aġġornata: 1 mejjet u ieħor fil-periklu tal-mewt; l-AFM ittellagħhom minn dingi

Vincent Cohetel, rappreżentant tal-Aġenzija qal li din hija tellieqa kontra l-ħin hekk kif jidher li ġej il-maltemp u għalhekk il-kundizzjonijiet fuq il-baħar se jaqilbu għall-għar. Qal li jekk wieħed iħalli lil dawn il-persuni li diġà ħarbu mill-gwerer u l-vjolenza fil-Libja, f’aktar biżà, din id-darba fuq il-baħar, se jkompli jżidulhom mas-sofferenzi tagħhom. Għalhekk talab sabiex dawn jingħataw permess immedjat biex jirmunkaw f’port sigur u jirċievu l-għajnuna umanitarja li jeħtieġu.

Bħalissa hemm 151 persuna abbord il-bastiment Open Arms, filwaqt li hemm 356 persuna li ġew salvati riċentament mill-bastiment Ocean Viking. Appellaw sabiex l-Istati Membri flimkien jaqsmu r-responsabbiltà bejniethom.

Aqra: Aġġornata: 60 minorenni abbord Ocean Viking

Il-UNHCR esprimiet kif bosta mexxejja Ewropej esprimew ix-xokk tagħhom meta 50 persuna nqatlu minħabba attakk bl-ajru f’Tajoura fil-Libja, filwaqt li 150 persuna oħra mietu fl-akbar nawfraġju fil-Mediterran għall-2019. Qalet li dawn is-sentiment hemm bżonn li jinbidlu f’solidarjetà mal-persuni li qed jaħarbu mil-Libja billi jingħataw aċċess għat-territorju Ewropew u jibdewlhom il-proċeduri tal-ażil.

L-Aġenzija kompliet tgħid kif sa issa, fl-2019, mietu mas-600 persuna fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Qalet li għalhekk hemm bżonn ħidma akbar ta’ tiftix u salvataġġ fiż-żona u hemm bżonn aktar sapport għall-NGOs li qed jagħmlu dan ix-xogħol.

Aqra: Bastiment ġdid isalva immigranti mill-għarqa

Matul il-lejl li għadda, il-Forzi Armati ta’ Malta ġiet mgħarrfa b’żewġ persuni li kienu jinsabu fuq dingi f’nofs ta’ baħar. Wieħed minnhom iddaħħal Malta mejjet.