Xahrejn ilu ħames familji tħallew bla dar wara li l-blokka tagħhom iġġarfet kawża ta’ żvilupp li kien qed isir fil-madwar fuq sit ta’ kostruzzjoni.

Aqra: Bini Gwardamanġa: Residenti jorqdu barra biex joqogħdu għassa mal-bini

Dan qalitu Janet Walker fuq Facebook, waħda minn 14-il residenti tal-blokka appartamenti li ġiet affettwata fit-13 ta’ Ġunju li għadda. Hi spjegat kif wara 61 jum, il-ħames familji tħallew fid-dlam u għadhom ma jafux x’se joħroġ mill-każ.

Qalet li hi għamlet dak kollu li setgħet biex tirrapporta lill-Awtorità tal-Ippjanar, l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, lill-perit tas-sit, lill-iżviluppatur u lill-kuntrattur żmien twil qabel ma ġara dan il-każ. Sostniet li ħallset ħafna flus sabiex ikollha avukat u perit tagħha sabiex ma tispiċċax mingħajr saqaf fuq rasha. Qalet li minkejja kollox, qatt ma saret l-ebda investigazzjoni.

Aqra: Ir-residenti ta’ Gwardamanġa bi protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur

Lura f’Lulju li għadda, 14-il resident tal-binja li ġġarrfet fi Gwardamanġa ressqu protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur Mohib Abouzidan u l-kumpanija li jirrappreżenta. L-Avukat Edward Zammit Lewis ressaq dan il-protest f’isem il-familji, u talab li l-iżviluppaturi Abouzidan, Carmel Ellul u Ebcon Trading Company Limited jinżammu responsabbli tal-ħsarat li saru, tal-ħsarat li qed ibatu minnhom il-familji u li għadhom iridu jbatu minħabba fihom. Il-protest ikompli jgħid li l-iżviluppaturi, taħt is-superviżjoni tal-Perit Jonathan Schembri, aġixxew b’negliġenza u ma ħarsux ir-regolamenti tal-kostruzzjoni sew.