B’effett immedjat l-­insettiċidi kollha li fihom is-­sustanza attiva chlorpyrifos se jiġu rtirati mis-­suq bħala prekawzjoni. Dawn il-­prodotti m’għandhomx jinbiegħu, jitqassmu, jinħażnu jew jintużaw.

Dan ħabbruh is­-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista. Camilleri spjega li din il-­miżura ttieħdet biex il-konsumatur kif ukoll il-­bidwi jserraħ moħħu li qed jixtri prodott bnin nieqes mis-­sustanzi li jistgħu jkunu ta’ periklu.

Min-­naħa tiegħu s-­Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l­ Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) se tkun qed tissorvelja s­suq u tassigura li dawn l­-azzjonijiet jiġu osservati. Huwa kompla li l-­Awtorità ħejjiet lista ta’ prodotti alternattivi li huma ħielsa mill­-chlorpyrifos sabiex tkun tista’ tigwida lill-­bdiewa.

Din il-miżura qiegħda tittieħed wara li l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippublikat rapport fl-‘EFSA Journal’ bil-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti fuq is-saħħa, attribwiti mal-użu tas-sustanza chlorpyrifos, fil-31 ta’ Lulju 2019.

Is-sustanza chlorpyrifos hija sustanza attiva użata bħala insettiċida mill­-bdiewa u permezz tagħha jirnexxielhom jeqirdu firxa wiesgħa ta’ insetti u pesti oħra, biex tipproteġi pjanti u frott imkabbar fl-għelieqi. Din il­-miżura daħlet fis­-seħħ ukoll minħabba s-­saħħa tal-­bniedem. Matul iż-­żmien 8 pajjiżi Ewropej oħra diġà ħadu miżuri simili.

Kull min jixtieq li jingħata iktar tagħrif jista’ jċempel fuq in­-numru tad­-direttorat li huwa 80072213.