FILE PHOTO: Italian Prime Minister Giuseppe Conte reacts to Italy's ruling coalition breakdown, speaking to journalists at an impromptu, late evening news conference at government house in Rome, Italy, August 8, 2019. REUTERS/Alberto Lingria

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte se jkun qed jindirizza s-Senat fl-20 ta’ Awwissu li ġej, wara li l-partit tal-koalizzjoni lemini ppreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern, fid-dawl tal-kaos politiku li ħakem it-tielet l-ikbar ekonomija fiz-zona Ewro.

Illum is-Senaturi ltaqgħu f’sessjoni straordinarja, hekk kif daħlu kmieni mill-btajjel tas-sajf, u vvutaw li minflok isir vot ta’ sfiduċja mill-ewwel, Conte jingħata l-opportunità li jitkellem u jiddefendi ruħu.

Filwaqt li l-indirizz ta’ Conte jista’ jwassal għal vot ta’ sfiduċja, possibilità oħra hi r-riżenja tiegħu jew inkella iktar dewmien.

Id-Deputat Prim  Ministru Matteo Salvini qed jinsisti dwar vot ta’ sfiduċja immedjat, li jista’ jwassal għal elezzjoni bikrija, u jippermetti li l-partit tiegħu kontra l-immigranti jkollu kontroll tal-gvern.

Iżda l-pass ‘il quddiem jiġi deċiż mill-President Sergio Mattarella, li jista’ jagħżel li tiġi ffurmata koalizzjoni ġdida, jew isejjaħ elezzjoni ġenerali.

Fis-Senat illum, Salvini tenna l-wegħda għat-Taljani, li jnaqqsu l-għadd ta’ membri parlamentari bi 345, u mbagħad “f’ġieħ id-dinjità, l-onestà u l-koerenza mmorru mill-ewwel għall-vot”.  Salvini jittama li jkun hemm elezzjoni fil-ħarifa.

Il-Gvern ta’ Conte, alleanza bejn il-Lega u l-Moviment tal-Ħames Stilel, ilu jaffaċċja nuqqas ta’ qbil dwar politika minn meta ġie ffirmat sena ilu. Il-pożizzjoni dominanti ta’ Salvini fis-sondaġġi, turi li jista’ jkun il-Prim Ministru li jmiss jekk issir elezzjoni bikrija.