Ritratt: Instagram

Sa minn kmieni dalgħodu ma waqfux il-messaġġi ta’ sogħba għall-mewt tal-ġurnalista u preżentatriċi Nadia Toffa. Kulħadd qed iwassal kliem ta’ tifħir għal din il-personalità li mietet fl-età ta’ 40 sena.

Il-funeral tagħha se jsir fi Brescia nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Awwissu.

AQRA: Tmut Nadia Toffa ta’ Le Iene; kellha 40 sena

Il-preżentatriċi tal-Mediaset Barbara D’Urso kienet fost dawk li wasslet l-ewwel messaġġi tagħha. Stqarret kif kienet tirrabbja meta xi nies kienu jiktbu messaġġi biex jattakkaw lil Toffi wara li kien jgħaddi xi programm ta’ Le Iene. Iżda Toffa kienet minflok tidħak b’dawn bl-istess messaġġi u kienet tikkalma lill-preżentatriċi tal-programm Pomeriggio Cinque.

D’Urso kompliet il-messaġġ tagħha billi fil-messaġġ tagħha tellgħet il-poeżija ċelebri ta’ Alda Merini u ddedikata lil Toffa.

Ritratt: Instagram

Minn fuq il-profil tal-programm Verissimo, tkellmet ukoll Silvia Toffannin, li ftakret meta kienet intervistat lil Nadia Toffa waqt li din kienet għaddejja mill-mument diffiċċli tagħha. “Dik it-tgħanniqha li tajtni tibqa’ dejjem f’qalbi” – kitbet Toffannin.

Ritratt: Instagram

Kommoventi kien ukoll il-messaġġ ta’ Jovanotti li qal li b’ħarsa waħda u żewġ kelmiet, Toffa kienet tidħol f’qalb dak li jkun u tispiċċa biex tkun ħabiba għal dejjem. Kiteb li se jiftakar għal dejjem dik it-tbissima u l-ħbiberija. Fost affarijiet oħra kiteb li għalkemm jinħass in-nuqqas tagħha, il-kuraġġ tagħha jibqa’ hawn!

Ritratt: Instagram/Jovanotti

Xejn inqas kommoventi kien il-messaġġ ta’ Maria De Filippi li ħalliet messaġġ biex tfakkar lil Toffa, minn fuq il-paġna tal-programm Amici, u tkellmet dwar l-ewwel laqgħa li kellha ma’ din il-preżentatriċi.

Kitbet fost affarijiet oħra li kienet rat lil Toffa ssofri iżda qatt ma’ waqfet milli tittama’ u titbissem.

Ritratt: Instagram / Amici/ Maria De Filippi

Simona Ventura wkoll tefgħet messaġġ, jew inkella ittra fejn sostniet li qed tħossha bla kliem u l-unika mod li tista’ tikkonsla għat-telfa tagħha huwa li tiftakar fil-kuraġġ li wriet u li għallmitha, kif ukoll il-valuri li għallmitha tal-ħajja.

Tkellem ukoll Stefano Corti, il-kollega ta’ Toffa fil-programm Le Iene, li qal fost affarijiet oħra li d-daħka tagħha mhu se jinsiha qatt!

Matteo Viviani, wkoll tal-programm Le Iene, sellem il-memorja ta’ Toffa b’messaġġ qasir li jgħid li se jkomplu jħobbuha u jammirawha.

Ritratt: Instagram/ Matteo Viviani

Minn naħa tagħha, Iva Zanicchi bgħatet messaġġ ta’ kondoljanzi lill-qraba ta’ Toffa, u kitbet li f’dan il-mument ħsibijietha huma qrib il-qraba tal-preżentattriċi.

Ir-rapper Taljan Fedez kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ Toffa waqt il-programm Le Iene, kiteb li lanqas biss seta’ jemmen meta sar jaf bl-aħbar tal-mewt ta’ Toffa, u fuq Instagram tella’ wkoll ir-ritratt ta’ meta ltaqa’ magħha l-ewwel darba.

Ritratt: Instagram / Fedez

Ilary Blasi, mart Francesco Totti, kienet iltaqgħet ma’ Toffa waqt il-pogramm Le Iene, u baqgħu ħbieb. Tellgħet dan ir-ritratt u qalet li dan huwa l-mod kif tixtieq tiftakar lil Toffa.

Ritratt: Instagram / Ilary Blasi

Ħafna huma l-messaġġi li personalitajiet oħra kitbu biex ifakkru lil Toffa, iżda bla dubju li l-legat li se tħalli warajha din il-personalitá huwa l-ktieb Fiorire D’Inverno, li hija stess kitbet u li jitratta l-ġlieda tagħha mal-kanċer u l-mod pożittiv li kienet ħarset lejn din il-marda.

Il-qoxra tal-ktieb ta’ Nadia Toffa