Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan qal li sena wara, it-titjib fi Triq il-Wied għadu fi stadju bikri. Minħabba f’hekk, qed jikkawża inkonvenjenza għar-residenti tal-inħawi peress li dawn qed jgħixu fit-trab u b’kanali tad-drenaġġ miftuħin quddiem darhom.

Aqra: Triq il-Wied f’Ħal Balzan se ssir mill-ġdid

Filwaqt li qal li hi xi ħaġa pożittiva li qed isir titjib infrastrutturali, il-Kunsill wera t-tħassib tiegħu fuq il-kundizzjonijiet li r-residenti ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom għal sena. Qal li jifhem li biex issir il-ħidma bilfors ikun hemm xi perjodu ta’ inkonvenjent għar-residenti tal-inħawi, u jifhem ukoll li dan ix-xogħol mhuwiex wieħed ta’ għaġla iżda li jrid isir b’attenzjoni sabiex l-affarijiet isiru sew. Madankollu l-Kunsill Lokali “huwa mħasseb li wara aktar minn sena, dan il-proġett għadu fi stadju pjuttost bikri.”

Aqra: Siġar f’Ħal Balzan: Il-Ministru jwieġeb iżda l-pjanti mistura

Aqra: Siġar f’Ħal Balzan: Nippubblikaw il-pjanta tat-triq

Għalhekk, il-Kunsill appella lil dawk ikkonċernati biex dan il-proġett meħtieġ jingħata l-attenzjoni xierqa u jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq jiġi riżolt. 

Aqra: FILMAT: Ir-residenti ta’ Ħal Balzan iridu s-siġar

Il-Kunsill Lokali temm jgħid li ma jridx jibdel din is-sitwazzjoni f’ballun politiku, peress li mhix kwistjoni partiġġjana, iżda huwa d-dover tal-Kunsill li jħares l-interessi tar-residenti.