Il-finali tat-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, se jittella’ nhar il-31 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, u se jkun ppreżentat minn Corazòn Mizzi.

Ta’ kuljum fuq newsbook.com.mt qed titwassal informazzjoni fuq kull kanzunetta u parteċipant, kif ukoll titwassal is-silta biex wieħed ikun jista’ jsegwi aħjar.

Illum imiss it-12-il kanzunetta f’dan il-festival. Din hija s-silta Dawl Għajnejja interpretata minn Fabrizio Faniello. Il-lirika hija ta’ Emil Calleja Bayliss, kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar u Fabrizio Faniello.

Il-Kanzunetta

Kanzunetta b’ritmu modern u relativament sajfi li titkellem dwar li tqis lil xi ħadd ta’ importanza kbira f’ħajtek – f’dan il-każ tintuża l-espressjoni dawl għajnejja. Il-kanzunetta tista’ tiġi interpretata fuq żewġ livelli; għandek livell minnhom fejn wieħed jista’ jifhem storja ta’ mħabba fejn żewġ maħbubin sabu lil xulxin ta’ sapport u wens, tant hu hekk li tkattret l-imħabba tagħhom però tista teħodha fuq livell spiritwali. Wieħed fil-ħajja jgħaddi minn diversi sfidi, sfidi li tista’ tegħleb meta int f’ħajtek tħalli l-ispiritwalità tmexxik.

Fabrizio Faniello

Ritratt: Joseph Agius Attard

Fabrizio Faniello rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest darbtejn, fl-2001 u fl-2006. Wieħed jista’ jgħid li Fabrizio, skopra l-mużika ta’ età żgħira iżda ddeċieda li jiffoka fuqha meta kellu madwar 16-il sena.

Barra s-suċċess f’pajjiżna, Fabrizio kiseb suċċess ukoll barra minn xtutna inkluż fl-Iżvezja u fl-Asja.

Ħareġ sitt albums, l-aħħar wieħed is-sena l-oħra.

Rebaħ il-festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija fl-1999 bil-kanzunetta Sa L-Aħħar u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Aħfirli Jekk Trid.