Iċ-champion tal-Formula 1 Lewis Hamilton jidher li se jniedi l-karriera mużikali tiegħu bħala kantant. Is-sena l-oħra kien kanta segretament għall-ewwel darba fl-album Liberation ta’  Christina Aguilera meta taħt l-isem XNDA kanta fuq is-silta Pipe. Aktar qabel, fis-sena 2015, deher ikanta f’nightclub fi New York City.

Kull min jaf lil Hamilton jagħraf l-imħabba li s-sewwieq tal-karozzi għandu għall-kant. Għalhekk ma kenitx wisq ta’ sorpriża meta dan l-aħħar il-grupp Ingliż Rudimental ħabbar li fil-futur se jniedu l-karriera ta’ Hamilton bħala kantant. Leon Locksmith Rolle, il-producer u membru tal-grupp, qal li Hamilton għandu talent kbir għall-kant u li dan hu serju ħafna biex jaqbad din il-linja.

Hu semma li Hamilton kien kemm-il darba magħhom fl-istudju jirrekordjaw u dejjem wera interess kbir. Mhux hekk biss, imma sar kapaċi wkoll biex jipproduċi d-diski … “għandu jdejh taz-zokkor f’dan il-qasam. Tajjeb immens.”

Locksmith ammetta li baqa’ ftit taż-żmien qabel ma lil Hamilton joħorġulu l-ewwel EP għax peress li bħalissa qiegħed fil-quċċata fit-tlielaq tal-karozzi ma jkunx sew li jiddistratta ruħu.

“Imma ibqgħu ċerti,” kompla Locksmith, “li lil Hamilton se tisimgħuh ikanta taħt ismu fuq id-diski. U aħna ta’ Rudimental se nkunu hawn għalih.”

Ta’ min ikun jaf li l-ewwel album mill-istudjo li ħarġu Rudimental fl-2013 kien jismu Home u tela’ sparat fl-ewwel post fil-klassifika tal-albums fl-Ingilterra. Tant kien tajjeb li kien nominal ukoll għall-Mercury Music Prize.