Il-Ġermanja tkompli tersaq f’xifer riċessjoni hekk kif l-ekonomija ċkienet fit-tieni kwart tas-sena fid-dawl ta’ tnaqqis fl-esportazzjoni. Dan hekk kif it-tamiet tal-investituri li jkun hemm irkupru żgħir intilef hekk kif il-fabbriki jibqgħu jitaqbdu ma’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali, il-kwistjonijiet kummerċjali u t-tariffi kif ukoll Brexit. Filwaqt li l-Gvern s’issa rrifjuta li jagħti aktar stimolu fiskali, bosta ekonomisti qed isostnu li jinħtieġu miżuri immedjati biex jiġi evitat kwart ieħor li fih tiċkien l-ekonomija, fejn hemmhekk imbagħad tiskatta uffiċjalment ir-riċessjoni.

It-tnaqqis globali, imsaħħaħ mill-produzzjoni industrijali Ċiniża li niżlet fl-aktar livell baxx għal dawn l-aħħar 17-il sena, ħalla impatt qawwi fuq iż-żona ewro, bil-fabbriki f’bosta setturi jesperjenzaw tnaqqis fil-bejgħ u l-ordnijiet u qed ikollhom inaqqsu l-ħaddiema.

Bosta assoċjazzjonijiet tan-negozju qed jappellaw lill-Gvern biex ma jibqax marbut mar-regola ta’ bilanċ baġitarju u jiddejjen aktar biex jonfoq fuq investimenti pubbliċi, attività li tradizzjonalment tixpruna l-ekonomija. 

Dawn iċ-ċifri wasslu biex il-bond ta’ 10 snin tal-Gvern Ġermaniż niżel f’minimu storiku ta’ -0.624%.

Oyo tinvesti bis-saħħa fl-Ewropa

Il-katina ta’ budget hotels Indjana Oyo se tkun qed tinvesti mat-300 miljun ewro fin-negozju tagħha ta’ kiri ta’ djar tal-vaganzi fl-Ewropa, bit-tama li eventwalment tikkompeti mal-ġgant globali Airbnb. Ironikament, din tal-aħħar għandha investiment fl-istess Oyo.

Oyo, li hija bbażata f’Gurgaon, li aktar kmieni din is-sena bdiet tagħti ħjiel tal-intenzjonijiet tagħha bl-akkwist ta’ Leisure, kumpanija simili bbażata f’Amsterdam, qalet li t-tir tagħha huwa li ssir għażla ta’ kwalità fis-suq tal-vaganzi fid-djar tal-kiri. L-akkwist ta’ Leisure fisser maż-2.8 miljun vjaġġatur fis-sena oħra li ngħaqdu taħt il-kappa tal-kumpanija Indjana.

B’dan l-investiment, il-kumpanija se ssaħħaħ ir-riżorsi biex ittejjeb il-livell ta’ wħud mid-ditti tagħha u toffri servizz intiż lejn klijentela ta’ kwalità għolja, ditti li jinkludu Belvilla, Danland u Dancenter. Oyo qed tiffoka mhux biss fuq familji iżda żgħażagħ bi dħul tajjeb li jivvjaġġaw fuq negozju u divertiment, inkluż konsumaturi li qed jivvjaġġaw lejn l-Ewropa mill-Istati Uniti, l-Ażja, iċ-Ċina u l-Lvant Nofsani.

Oyo għandha katina ta’ lukandi li hija t-tielet waħda f’termini ta’ tkabbir, b’aktar minn 23,000 lukanda u 125,000 dar għall-kiri, għal total ta’ aktar minn miljun kamra fi 80 pajjiż. Din is-sena, is-suq tal-kiri ta’ djar għall-vaganzi fl-Ewropa hu mistenni li jiġġenera mal-20 biljun ewro, u huwa suq li qed jikber bejn 4 u 8% fis-sena.

Investiment Tork fl-azzar Ingliż

Tul l-aħħar snin smajna bosta aħbarijiet li jistgħu jiġu spjegati mill-globalizzazzjoni iżda ċertament ta’ sorpriża kienet l-aħbar li r-Riċevitur Uffiċjali tal-Gvern Ingliż mistenni li jħabbar li l-akkwirent il-ġdid tal-kumpanija British Steel se tkun kumpanija ta’ investiment assoċjat mal-fond ta’ pensjoni tal-Forzi Armati tat-Turkija.

Il-kumpanija British Steel, li kull sena tipproduċi 100,000 tunnellata ta’ trakki ferrovjarji għas-sistema tan-netwerk ferrovjarju tar-Renju Unit, ġiet dikjarata falluta f’Mejju li għadda, u Ataer Holding issa għandna numru ta’ ġimgħat biex tipprova tixtriha u b’hekk ikun evitat li din il-kumpanija tagħlaq. Ataer hi proprjetarja ta’ 50% ta’ Erdemir, l-akbar produttur tal-azzar fil-pajjiż. 

F’Mejju li għadda, kienu fallew diskussjonijiet bejn is-sid ta’ British Steel, Greybul, u l-Gvern Ingliż bit-tir li jintervjeni dan tal-aħħar. Il-kumpanija tħaddem 5,000 impjegat, 3,000 minnhom fi Scunthorpe. Il-kumpanija li mistennija tieħu kontroll tagħha għandha interessi f’bosta setturi bħas-siment, l-agrikoltura u l-enerġija u s-sena li għaddiet kellha dħul ta’ aktar minn 8 biljun sterlina. Din mhux l-ewwel darba li investiet f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea (tal-inqas s’issa) hekk kif għandha negozju bi sħab mal-manifattur tal-karozzi Franċiż, Renault. 

Filwaqt li bosta analisti fis-suq sostenew li dan l-investiment aktarx jagħmel sens kummerċjali, trejdunjonisti ewlenin esprimew id-dubji tagħhom għall-fatt li d-drittijiet tal-ħaddiema fit-Turkija ta’ spiss huma mkasbra. 

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net. 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment