Sea-Eye / Twitter

Nisa immigranti li jgħixu f’residenzi u ċentri differenti lokali qalu li hemm bżonn li tiġi introdotta terapija għat-tfal u ġenituri ta’ immigranti sabiex joħorġu mill-effetti li ħalliet fuqhom it-trawma li għaddew minnha u jkomplu bil-ħajja. Dan ħareġ fi studju fejn ġew mitkellma ħames gruppi ta’ nisa differenti li jgħixu f’ħames postijiet differenti.

L-istudju In This Together li sar b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Jesuit Refugee Service Malta, ra l-esperjenzi ta’ 114-il mara li qed jgħixu f’istituzzjonijiet jew ċentri miftuħa wara li spiċċaw kellhom jitilqu minn darhom minħabba vjolenza domestika, u oħrajn minħabba li kienu qed jgħixu f’żoni tal-gwerra jew persekuzzjoni. Il-gruppi ta’ nisa kienu ġejjin minn tliet xelters ta’ vjolenza domestika u żewġ ċentri miftuħa.

Aqra: Id-diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda tnaqqsilna d-dinjità – nisa immigranti

In-nisa spjega li dan is-servizz huwa offrut iżda mhux fuq bażi regolari u ġieli lanqas biss ikun offrut. Spjegaw li ħafna drabi jiġu trasferiti għal servizz ta’ sapport psikoloġiku li għalihom hemm listi ta’ stennija twal. Oħrajn qalu li jekk jiġu biex imorru għal servizz privat ma jaffordjawx iħallsu l-prezz ta’ sessjoni terapewtika.

“Ma nistgħux nagħmlu użu miċ-childcare qabel ma nsibu xogħol”

Waħda mill-isfidi prinċipali msemmija fl-istudju kienet il-bżonn ta’ childcare. Spjegaw li ommijiet li huma single u ma għandhomx familja li tissapportjahom jitħallew bi ftit għażla ta’ xogħol li jkunu jippermettu li dawn jieħdu ħsieb lit-tfal fil-ħinijiet meta s-servizz taċ-childcare ma jkunx disponibbli. In-nisa spjegaw li filwaqt li l-Gvern joffri ċ-childcare b’xejn dan isir biss meta l-mara jkollha konferma ta’ xogħol. Spjegaw li għal din ir-raġuni bosta ommijiet jispiċċaw isibuha ferm diffiċli li jfittxu xogħlijiet għax ma jkollhomx ma’ min iħallu t-tfal f’dak il-ħin.

Aqra: Nisa fiċ-ċentri l-miftuħa jibżgħu mill-gwardjani rġiel – studju

Semmew kif il-ħinijiet tas-servizzi taċ-childcare tal-Gvern ma jħallux lin-nisa jieħdu ċertu xogħlijiet bħal dawk fuq bażi ta’ shift. Ħafna minn dawn jirriskjaw ukoll li jitilfu xogħolhom jekk it-tfal ikunu ma jifilħux għax ma għandhom lil ħadd ma’ min iħalluhom.

Ir-rapport jitkellem ukoll dwar l-importanza taċ-childcare għal nisa li esperjenzaw trawma, għax dan jiffaċilità l-ħin u l-ispazju biex jieħdu l-ħin neċessarju sakemm jirkupraw mit-trawma. Jgħid li meta dawn ikollhom moħħhom mistrieħ li hemm min qed jieħu ħsieb it-tfal, ikunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet differenti li jgħinuhom jikbru u jimxu ‘l quddiem bħal jattendu korsijiet, sessjonijiet ta’ terapija, jew sempliċiment iqattgħu ħin ma’ persuni tal-istess età tagħhom. Qalu li xi wħud mix-xelters għandhom play areas imma t-tfal ma jistgħux joqgħodu hemm mingħajr superviżjoni tal-omm.

X’kienu l-konklużjonijiet tal-istudju?

L-istudju kkonkluda li minkejja l-istejjer differenti tan-nisa, l-inkwiet tagħhom kien simili. Filwaqt li ħafna semmew problemi strutturali bħal dewmien eżaġerat fil-proċeduri tal-Qorti u prezzijiet għolja tal-kera, is-saħħa emozzjonali ta’ individwu ġiet emfasizzata. In-nisa indikaw li għandhom ix-xewqa li jaslu f’punt fejn ikunu indipendenti, għan li jintlaħaq biss jekk il-ħtiġijiet emozzjonali tagħhom jintlaħqu, il-feriti tal-passat jiġu kkurati u jirċievu s-sapport neċessarju flimkien mal-ħiliet neċessarji li jwassluhom sabiex jibdew il-pass li jmiss f’ħajjithom.