F’għeluq is-sena mill-mewt tal-kantanta Aretha Franklin twaqqaf fond mill-werrieta tagħha biex jgħin fit-tfittxija għall-kura tal-kanċer tal-frixa li r-Reġina tas-Soul sofriet minnu.

Franklin mietet f’Awwissu 2018 wara li żviluppalha tip ta’ kanċer fil-frixa li 7% biss ibatu minnu meta jkollhom kanċer hemm. Steve Jobs, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Apple, ukoll miet fl-2011 b’dan it-tip ta’ kanċer.

Fl-anniversarju tal-mewt ta’ Franklin, il-werrieta tagħha u għaqda ta’ nisa minn Detroit taw somma kbira ta’ flus lill-Fondazzjoni għar-Riċerka tat-Tumuri u b’hekk uffiċjalment twaqqaf il-fond biex issir ir-riċerka tal-kanċer.

Sabrina Owens, in-neputija ta’ Franklin u r-rappreżentanta tal-familja, qalet fi stqarrija li l-familja ta’ Aretha Franklin hi onorata li tkun sħab mal-Fondazzjoni biex tgħin jinġabru fondi għall-edukazzjoni u r-riċerka dwar din il-marda qerrieda li taħsad qabel il-waqt lil dawk li nħobbu. Imbagħad inkoraġġiet oħrajn biex jagħmlu bħalhom għax hu possibbli li jirbħu lill-marda.

Elyse Gellerman, il-kap eżekuttiv tal-Fondazzjoni, qalet li jridu jifhmu kif jolqot dan it-tip ta’ kanċer, u wkoll għaliex jolqot lil dak u mhux lill-ieħor.

Aretha Franklin kienet rappurtata li tbati mill-marda fl-2010 imma rnexxielha tgħix ferm aktar milli kienu bassrulha l-ispeċjalisti.