L-ekwipaġġ żgħażugħ tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation irritorna Malta wara prestazzjoni ta’ suċċess fit-tellieqa internazzjonali tal-ibburdajr – ir-Rolex Fastnet. It-tim kien immexxi mill-iskipper ta’esperjenza internazzjonali Nikki Henderson u l-bqija tal-ewkipaġġ kien magħmul minn Fabio Galea, Emilie Gregory, Greg Mifsud Orlando, Patrice Pace, Saul Vassallo, Francesca Zammit u Zachary Zammit.

Din kienet it-tieni esperjenza internazzjonali ta’ dan l-ekwipaġġ. L-ekwipaġġ tal-Fondazzjoni ikkompeta fosthom fit-tellieqa tal-IRC Class 3, li hi waħda mill-ikbar Klassijiet tal-flotta. Il-Maltin spiċċaw fil-103 post minn flotta ta’ 388 jott.

Fil-Klassi 3, il-Maltin irnexxielhom jiksbu t-23 post minn 84 dgħajsa li kienet qed tieħu sehem. Huma kisbu wkoll it-tmien post fil-Klassi 3B fejn ikkompetew kontra 44 dgħajsa. Iżda l-akbar sodisfazzjon wasal meta l-ekwipaġġ daħal fl-ewwel post fil-flotta tal-jottijiet J/109.

L-ekwipaġġ issa qiegħed jipprepara għall-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race li hi ospitata mir-Royal Malta Yacht Club.