Negozjaturi fit-taħditiet bejn il-Ġappun u l-Istati Uniti ma’ laħqux ftehim fuq id-diskussjonijiet li għaddejjin bejn iż-żewġ pajjiżi relatati mal-kummerċ bilaterali. Iż-żewġ naħat qablu li jtawwlu b’ġurnata d-diskussjonijiet bit-tama li jkun hemm qbil.

Wara taħditiet twal ta’ erba’ sigħat bejn in-negozjaturi ewlenin, ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ Robert Ligthizer u l-Ministru għall-Ekonomija Ġappuniż Toshimitsu Motegi, iż-żewp naħat stqarrew mal-mezzi tax-xandir li jinsabu viċin biex jilħqu ftehim. Iżda minkejja dan jeħtieg iktar żmien sabiex jiġu diskussi temi li jirrigwardaw numru konsiderevoli ta’ oqsma.

Il-Ministru Ġappuniż qed iżur Washington f’dawn il-ġranet għal dawn id-diskussjonijiet bil-għan li jonqsu d-diverġenzi bejn iż-żewġ stati fuq materji relatati mal-agrikoltura u s-settur awtomobilistiku. Motegi qal li jisepra li jintlaħaq ftehim matul il-ġurnata tal-Ġimgħa. Intant huwa mistenni li jivvjaġġa lejn Franza fis-sigħat li ġejjin sabiex jingħaqad mal-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe u l-President tal-Istati Uniti Donald Trump li bħalissa jinsab fi Franza.

Hasbro tonfoq $4 biljun biex tixtri Peppa Pig u PJ Masks

Hasbro Inc ħabbru li se jixtru Entertainment One Ltd għas-somma ta’ $4 biljun, biex tkompli tespandi l-operat tagħha fil-settur tal-entertainment tat-tfal żgħar. Entertainment One Ltd hija l-kumpanija wara l-programmi popolari tat-TV tat-tfal Peppa Pig u Pj Masks. Hasbro Inc tpoġġi fis-suq diversi ġugarelli tat-tfal fosthom anki logħob tal-mejda popolari bħal ma hija l-Monopoly.

Aqra: Peppa Pig għandha sid ġdid

Is-sena li għaddiet, Hasbro nefqu mal-$520 miljun biex ikabbru l-imperu tagħhom fil-qasam tal-cartoons tat-tfal u materjal ta’ merchandising ta’ karattri popolari bħal dawk ta’ Power Rangers. Hasbro komplew iżidu fil-popolarità tagħhom bi ftehim ma’ Paramount Pictures u Walt Disney, filwaqt li esperjenzat tkabbir fil-ġugarelli relatati ma’ Avengers.

Il-Kap Eżekuttiv Brian Goldner qal li b’dan l-akkwist, Hasbro, se jkunu qed jużaw il-popolarità tal-karattri tal-eOne, b’mod partikolari Peppa Pig  biex jespandu l-operat tagħhom b’mod globali.

Dan il-ftehim mistenni jidħol fis-seħħ fl-aħħar kwart tas-sena.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Għal iktar informazzjoni ikkuntattjana b’email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.