Il-Papa jiltaqa' mal-pubblika qabel wissihom dwar l-ipokresija

Fl-aħħar udjenza ġenerali l-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku tkellem dwar kif il-komunità nisranija twieldet mill-Ispirtu s-Santu u tikber billi naqsmu l-ħajja flimkien fost id-dixxipli ta’ Kristu.  Tkellem dwar is-solidarjetà bejn l-insara li meħtieġa biex nibnu l-familja t’Alla. Din il-fraternità tikber billi nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Il-Papa enfasizza li hemm “dinamiżmu ta’ solidarjetà li jibni lill-Knisja bħala l-Familja ta’ Alla fejn il-komunità hi ċentrali.”

Huwa spjega li fil-bidu tal-Knisja “il-komunità tirriferixxi qabel xejn għall-parteċipazzjoni fl-Ewkaristija”. Għal din ir-raġuni meta aħna nitqarbnu, niddikjaraw li “nikkomunikaw”, nidħlu f’komunikazzjoni ma’ Alla u minn din il-komunjoni ma’ Kristu naslu għal komunjoni ma’ ħutna l-bnedmin.”

Azzjoni u kliem

Jekk tridu tkunu nsara tajbin, tridu titolbu, ersqu lejn il-komunjoni u r-rikonċiljazzjoni. Is-sinjal li qalbek ikkonvertiet jiġi meta wieħed ikun ġeneruż mal-oħrajn u jgħin lill-fqar.

Il-Papa enfasizza li fejn hemm konverżjoni vera, l-azzjoni titkellem aktar mill-kliem.

Meta tkellem dwar l-istorja tal-Knisja, Papa Franġisku qal li minn dejjem kien hemm insara li irmew l-affarijiet materjali, affarijiet li ma kienux meħtieġa, biex jagħtuhom lil dawk fil-bżonn.

Kemm insara jagħmlu xogħol volontarju? Dan hu sabiħ, li taqsam mill-ħin tiegħek ma’ oħrajn u tgħin lil dawk fil-bżonn.

L-ipokresija hi għadu

Il-Papa wissa’ li “l-ipokresija hi l-akbar għadu tal-komunità nisranija”. Li ma tkunx sinċier fl-imħabba jew ma tkunx sinċier meta tiġi biex taqsam mal-oħrajn, tkun ipokrita, titbiegħed mill-verità, issir tost, titfi l-fjamma tal-komunjoni u tersaq lejn il-kesħa tal-mewt interna”.

Dawk li jagħmlu hekk, enfasizza l-Papa, fil-Knisja jkunu biss sempliċi turisti.

Papa Franġisku temm jgħid li “ħajja bażata biss fuq il-profitti fejn wieħed jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni għad-detriment tal-oħrajn, inevitabilment twassal għal mewt interna. Kemm nies jgħidu li huma qrib il-Knisja, ħbieb mal-qassisin u l-Isqfijiet iżda fil-fatt ikunu qed ifittxu biss l-interessi tagħhom? Dawn huma l-ipokriti li jkissru l-Knisja”.