“Steve Jobs għadu ħaj u qed jgħix l-Eġittu.” Din kienet ir-reazzjoni ta’ ħafna wara li ritratt partikolari beda jiċċirkola fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem. Ir-ritratt juri raġel li jixbaħ ħafna lill-fundatur ta’ Apple u jidher li kawża ta’ hekk bdiet tiċċirkola din ix-xnieha.

Mijiet ta’ persuni spiċċaw jidibattu dwar dan ir-ritratt, li allegatament ittieħed fl-Eġittu, fejn xi wħud sostnew li r-raġel fir-ritratt jidher wisq bħal Steve Jobs biex ikun xi ħadd li jixbħu.

Persuna qalet li ma teħodhiex bi kbira li Steve Jobs irtira bil-moħbi fl-Eġittu hekk kif huwa kien iħobb jgħix ħajja sempliċi fil-verità. Oħrajn qalu li għalkemm jafu li wisq probabli dan ir-ritratt beda jinxtered bħala ċajta, ir-raġel jidher wisq bħal Jobs biex dan ikun biss kumbinazzjoni.

Ir-raġel tar-ritratt jidher jaħseb u jmiss geddumu, li kienet pożizzjoni partikolari assoċjata ma’ Jobs.

Xi wħud irrimarkaw kif ir-raġel li jidher fir-ritratt kien liebes arloġġ normali, hekk kif jassumu li kieku dak kien veru Jobs probabli kien ikun liebes Apple Watch.

Steve Jobs, il-fundatur ta’ Apple, tilef il-battalja mal-kanċer f’Ottubru tal-2011 fl-età ta’ 56 sena. Huwa kien telaq għal xi żmien mill-kumpanija li kien waqqaf hu stess, madanakollu kien irritorna fl-1997 meta kienet f’xifer li tfalli. Wara dan, Apple kisret rekord ekonomiku dinji.