Times of Malta

 

“Magħna ma saritx ġustizzja” kienet il-karba ta’ Diane Mulè Stagno meta ġiet intervistata fuq l-istazzjon tar-radju 103, dwar ommha li mietet mgħaffġa taħt it-tiġrif tal-kostruzzjoni fl-2004 f’San Pawl il-Baħar.

Aqra: “Xena ta’ gwerra, ommi mietet fit-tiġrif”

Fit-3 ta’ Ġunju 2004,  kmieni waranofsinhar, iġġarrfet id-dar ta’ ommha minħabba li x-xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir ħdejha ma kienx qed isir kif suppost. Minbarra Mary Zarb ta’ 60 sena, li tiġi omm Diane Mulè Stagno, mietet ukoll fit-tifrik Nadya Vavilova, żagħżugħa Russa ta’ 24 sena li kienet qiegħda għand Zarb titgħallem il-Malti.

Mulè Stagno ddeċidiet li titkellem għax tħoss li wara 15-il sena, il-każ fil-Qorti missu nqata’ b’mod definittiv u mhux għadu mdendel. Hija żiedet tgħid li kull meta jaqa’ xi bini u jkun hemm il-vittmi, hija terġa’ tgħix it-traġedja tagħha mill-ġdid. Tittama li bis-sehem tagħha tista’ tinħoloq kuxjenza li tevita mwiet inutli bħal ta’ ommha.

Il-kuntrattur instab ħati

”Jien kont immur kull darba għas-seduti tal-Qorti u tajt ix-xhieda tiegħi” qalet Mulè Stagno. Spjegat li għaliha kien żmien iebes għax kienet esperjenza mimlija ansjetà, iżda kienet tittama li ssir ġustizzja.

L-ewwel każ inqata’ fl-2009. Il-kuntrattur u wieħed mill-ħaddiema nstabu ħatja. Il-kuntrattur ingħata sentenza ta’ tliet snin ħabs u l-ħaddiem ingħata sentenza ta’ 20 xahar ħabs.  Huma appellaw.

“Hekk kif smajt is-sentenza bdejt nibki” qalet Mulè Stagno mal-mikrofonu ta’ Newsbook Hour fuq 103.

Hija żiedet tgħid li l-Maġistrat tat sentenza twila ħafna li fiha spjegat ir-raġunijiet li bihom sabet lill-kuntrattur ħati li ma mexiex mal-liġijiet tal-kostruzzjoni. Il-Maġistrat għamlet ukoll diversi suġġerimenti ta’ x’għandu jsir biex dawn il-każi ma jiġrux. Fost dawk kien hemm suġġeriment li l-kuntratturi jkunu mħarrġa sew u li jkun hemm preżenza akbar tal-perit. Issuġġeriet ukoll li dwar l-infurzar, għandu jkun hemm organizzazzjoni waħda, biex iċ-ċittadin ma jkollux għalfejn imur minn organizzazzjoni għall-oħra.

“Naħseb li kieku taw kas dak li qalet il-Maġistrat kieku kienu jiġu evitati mwiet oħra”, qalet Mulè Stagno.

“Limbu sħiħ”

Fl-2010 l-appell li kien qed isir kien sospiż peress li l-akkużati kienu għamlu appell fuq ħaġa teknika quddiem qorti oħra. Minħabba dan, il-Qorti tal-Appell waqfet tisma’ l-każ sakemm il-qorti l-oħra tagħti l-ġudizzju tagħha. Iżda l-Qorti tal-Appell insistiet li s-smigħ ma jdumx u li l-Avukat Ġenerali kellu jirrappurtalha l-progress li kien qed isir.

Kif tħossok disa’ snin wara li l-każ suppost instema’ bla dewmien? Staqsejna.

Mulè Stagno qalet li dan id-dewmien mhux ġustifikat u li din hija ħaġa inkwetanti ħafna għax ġustizzja mhux qed issir.  Qalet ukoll li lilhom ħadd qatt ma infurmahom bil-progress li suppost qed isir u li għalhekk qegħdin fl-limbu sħiħ.

“Jien ma rrid lil ħadd jgħaddi milli għaddejna aħna”, ikkonkludiet tgħid Mulè Stagno.

Stejjer simili:

Filmat: “Għarqubha biss baqa’ jidher; radmuha żewġ soqfa”

Filmat: Taqa’ binja fil-Mellieħa

Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà