L-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista u l-Questor tal-Parlament Ewropew David Casa sostna li l-liġi ma tiswa xejn jekk ma tkunx infurzata. Casa kien qed jitkellem waqt diskussjoni bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, iċ-chairman tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), Jose Manuel Campa, u rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-liġi kontra l-ħasil tal-flus.

Casa sostna li l-liġi Ewropea hi diġà estensiva fil-qasam kontra l-ħasil tal-flus. Żied jgħid li liġi tistà tkun effettiva biss jekk tiġi infurzata.

Casa semma’ kif fl-aħħar leġislatura tal-Parlament Ewropew kien hemm entatijiet li xorta baqgħu joperaw minkejja diversi allegazzjonijiet ta’ korruzjoni u ħasil ta’ flus fil-konfront tagħhom. Huwa semma l-każ tal-Pilatus Bank u kif dan baqa’ jopera għall-iktar minn sena qabel ittiħditlu l-liċenzja. Dan anki wara li l-allegazzjonijiet dwaru  kienu ilhom ‘il fuq minn sena magħrufa.

Casa fakkar il-każ ta’ Pilatus Bank li għadu jissemma f’diversi riżoluzzjonijiet.

L-Ewroparlamentari sostna li diversi drabi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali ħadu biss passi wara li aġġixxew l-awtoritajiet Amerikani. Casa staqsa jekk il-poteri li ngħatat l-EBA ngħatat biex tiġġieled kontra l-ħasil ta’ flus, humiex biżejjed.