Youtube kienet mmultata rekord ta’ 170 miljun dollaru minn regolatur Amerikan għal vjolazzoni tal-liġijiet tal-privatezza tat-tfal. Google, li hija s-sid ta’ Youtube, aċċettat li tħallasis-somma wara ftehim mal-Federal Trade Commission. Is-sit instab ħati li ġabar data dwar tfal taħt it-13-il sena, mingħajr kunsens tal-ġenituri. L-FTC qalet li l-informazzjoni ntużat biex isiru riklami mmirati għat-tfal, li tmur kontra l-Att dwar il-Ħarsien tat-Tfal.

Filwaqt li oriġinarjament ċaħdet dawn l-akkużi, l-FTC preżentat evidenza li kiente qed tintuża fil-preżentazzjonijiet kummerċjali ta’ Youtube. Per eżempju, id-ditta teknoloġika kinet qalet lill-Mattell, kumpanija l-ġugarelli, li Youtube tinsab fuq quddiemnett biex tilħaq lit-tfal ta’ bejn 6 u 11-il sena meta mqabbel ma’ stazzjonijiet televiżvi prinċipali.

Il-Gvern Amerikan saħħaħ l-iskrutinju tal-kumpaniji teknoloġiċi l-kbar fl-aħħar senten, b’mod partikolari dwar kif jiġbru u jużaw l-informazzjoni personali minn biljuni ta’ konsumaturi. Għaddejjin ukoll numru ta’ investigazzjonijiet immirati li jiddeterminaw jekk il-kumpanija kkonċernati kisrux regolamenti dwar il-kompetizzjoni.

Barra mil-multa, l-FTC ordant lil YouTube twaqqaf lill-vidjos tat-tfal milli jkollhom riklami personalizzat, kummenti u notifiki. Barra minn hekk, min itella l-vidjos se jkun irid jindika li l-filmati jkunu diretti għat-tfal.

Investiment qawwi minn Lego

Lego, il-kumpanija rinomata speċjalment mat-tfal qed jinvesti bis-saħħa f’numru ta’ ħwienet branded kif ukoll fil-kummerċ elettroniku, f’perjodu ta’ sfidi għall-industrija tal-ġugarelli. Il-kumpanija ħabbret li sal-aħħar tas-sena se tkun qed titaħ mal-160 ħanut ġdid, żieda ta’ 40% hekk kif il-kumpanija Daniża qed titgħallem mil-lezzjonijiet tal-kollass ta’ Toys R Us u tal-akbar bejjiegħ ta’ ġugarelli fl-pajjiżi Top Toy.

Lego, li għadu negozju tal-familja, sar l-akbar produttur ta’ ġugarelli f’termini ta’ bejgħ u profitti hekk kif il-bqija tal-industrija qed issibha bi tqila tlaħħaq il-konfront maż-żieda fil-popolarità tat-tagħmir diġitali. Lego għelbet perjodu negattiv meta fl-2017 esperjenzat tnaqqis fil-bejgħ għall-ewwel darba f’għaxar snin.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-ena, il-kumpanija żiedet id-dħul b’4.4% għal 2.2 biljun dollaru, iżda l-profitti naqsu b’16% wara deċiżjoni tal-kumpanija li żżid sostanzjalment l-investiment. Il-kumpanija qalet li l-istrateġija tagħha hi mmirata fuq viżibilità akbar mat-tfal ta’ madwar id-dinja u kien għalhekk li qed jiżdiedu n-numru ta’ stabbilimenti.

L-akbar sforz jidher li qed isir fl-Ażja, hekk kif Lego se jkollha 140 ħanut f’35 belt Ċiniża sal-aħħar tas-sena, filwaqt li l-fruntiera li jmiss hija l-Indja, fejn fi żmien 10 snin, mal-miljun tifel u tifla se jkunu jgħixu f’familji fil-klassi medja.

Lego qed tinvesti wkoll f’prodotti li jgħaqqdu flimkien ġugarelli fiżiċi ma’ esperjenzi diġitali kif ukoll fit-titjib tal-park tematiku Legoland.

Rekord għal prezz tad-deheb

Il-prezz tad-deheb fil-Ġappun żdied fl-għola livell fi kważi 40 sena, f’riflessjoni taċ-ċaqliq tal-valur tal-yen, iżda wkoll tal-ġirja, madwar id-dinja, li l-investituri jduru fuq dan il-metall prezzjuż li joffri serħan tal-moħħ fid-dawl ta’ dipressjoni fl-ekonomija globali.

Dan hekk kif bosta investituri jfittxu li jżommu ‘l bogħod minn investimenti f’ishma u bonds ta’ swieq tradizzjonali kif ukoll fi swieq emerġenti, hekk kif il-Fond Monetarju Internazzjonali qed jistenna perjodu ta’ tkabbir ekonomiku kajman fid-dawlt ta’ sfidi bħal Brexit, kwistjonijiet ġeo-politiċi u kunflitti kummerċjali.

L-aktar bejjiegħ ta’ deheb fl-pajjiż, Tanaka Kikinzoku ħabbar li l-prezz miss il-50 dollaru kull gramma, livell li kien ilu ma jintlaħaq sa mill-1980. Il-konsumturi qed ikollhom jitennew sa tliet sigħat għal deal li ssoltu kien jieħu ftit minuti. Din iż-żieda tirrifletti ċaqliq simili madwar id-dinja, bil-prezz internazzjonali jilħaq l-għola livell minn April 2013. Din is-sena biss il-prezz żdied b’20%.

Madankollu ż-żidiet huma aktar aċċentwati fil-Ġappun b’riżultat tal-iżvalutar tal-yen meta mqabbel mad-dollaru, fejn tilef kważi 8% fl-aħħar sitt snin.

Żidiet relattivament kbar kienu reġistrati wkoll fin-negozju tal-fidda.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.