Aktar kmieni llum 23 ċiklist flimkien ma’ 7 membri minn Nescafé 3in1 LifeCycle Challenge bdew triqtihom għall-Vjetnam biex jibdew il-21 sfida tagħhom.

Newsbook.com.mt mar jiltaqa’ ma’ dawn iċ-ċiklisti ftit minuti qabel bdew dan il-vjaġġ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Kif spjegaw dawn iċ-ċiklisti, ma’ Newsbook.com.mt, huma jinsabu eċitati għal din l-isfida kemm biex igawdu x-xenarju tal-post waqt li jkunu qed jaqdfu kif ukoll biex ikomplu jiġbru fondi u jassistu lill-pazjenti li jbatu minn problemi fil-kliewi. Huma spjegaw li qed ikun hemm aktar studju speċjalizzat fil-mard tal-kliewi u dan jiġġenera aktar għarfien dwar it-trapjanti ta’ organi f’Malta.

Din is-sena ċ-ċiklisti se jibdew din l-isfida il-Ħamis 12 ta’ Settembru mill-Vjetnam u jibqgħu sejrin lejn Laos u jispiċċaw il-Kambodja.  L-isfida se tintemm fil-21 ta’ Settembru bil-parteċipanti jirritornaw Malta fl-24 ta’ Settembru.

Iċ-ċiklisti se jkunu qed jibdew il-ġurnata tagħhom kmieni filgħodu biex jaqdfu distanza ta’ madwar 200 kolimetru kuljum. Ir-rotta li se jkunu qed jgħaddu minnha ċ-ċiklisti se tkun qalb il-muntanji u veduti sbieħ, se jkunu qed jgħaddu wkoll fil-belt ta’ Xepon f’Laos, kif ukoll minn villaġġi remoti.

Alan Curry il-fundatur tal-LifeCycle qal l-sifida mhijiex waħda faċli, madankollu jħeġġeġ lil parteċipanti biex iżommu f’moħħhom lill-pazjenti li jinsabu fuq id-dajalisi.

Kull min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jibgħat permezz ta’ Revolut fuq in-numru 99329101; jew ta’ sms: 5061 7370 = €2.33; 5061 8920 = €6.99; 5061 9229 = €11.65; jew permezz ta’ telefonata fuq 5160 2020 = €10, 5170 2005 = €15; u 5180 2006 = €25. Dettalji tal-bank huma kodiċi Swift VALLMTMT, numru IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, isem tal-bank Bank of Valletta, numru tal-kont 14814521017.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit www.lifecyclefoundation.com jew il-paġna ta’ Facebook. Din is-sena l-isfida tal-LifeCycle qed tiġi sponsorjata minn Nestlé – Nescafé 3in1.