L-ewwel edizzjoni tal-Mediterranean Stars Festival se jsir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru fuq il-Fosos tal-Furjana. F’dan il-festival se jieħdu sehem bosta artisti magħrufa Taljani u Maltin bi produzzjoni tal-Mediterranean Tourism Foundation b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, l-Air Malta u l-Ministeru tat-Turiżmu.

Il-Festival se jgħaqqad kantanti diversi minn reġjuni tal-Mediterran b’artisti minn Radio Italia Live — Il Concerto. Jieħdu sehem Alessandra Amoroso, Gigi D’Alessio, Elisa, Francesco Gabbani, Guè Pequeno, J-Ax, Mahmood, Max Pezzali, Raf, Umberto Tozzi, Boomdabash flimkien ma’ Ira Losco, The Travellers u Cheb Khaled  mill-Alġerija li hu l-aqwa ambaxxatur biex jgħaqqad flimkien il-ħoss tradizzjonali tal-Mediterran u dak tal-Pop Ewropew. Qabel il-Festival se jkun hemm kunċert speċjali minn Nicole Frendo u Red Electrik.

Dan il-kunċert se jkollu preżentazzjoni ta’ Amadeus, li ftit ġimgħat ilu kien ikkonfermat bħala d-diirettur artistiku tal-edizzjoni tas-sena d-dieħla ta’ Sanremo.

AQRA: Kunċert bis-sehem ta’ artisti Taljani kbar; ara kif takkwista l-biljetti b’xejn

Il-Festival se jikkontrbwixxi biex iqajjem mill-ġdid l-identità Mediterranja billi joħloq opportnitajiet għall-kollaborazzjoni bejn pajjiżi differenti bis-saħħa wkoll tat-turiżmu u avvenimenti kulturali. Ta’ min ifakkar li s-Sibt 5 ta’ Ottubru fil-Belt Valletta ssir in-Notte Bianca b’attivitajiet u mużewijiet li jibqgħu għaddejjin sa tard bl-lejl.

Andrew Agius Muscat, il-ko-fundatur u s-Segretarju Ġenerali tal-Mediterranean Tourism Foundation, qal li dan il-fesival beda mix-xewqa li l-mużika tintuża bħala għodda biex tressaq in-nies flimkien, tippromwovi l-paċi u ssaħħaħ l-identità komuni Mediterranja.

Id-direzzjoni mużikali tal-festival se tkun ta’ Bruno Santori bis-sehem tal-Mediterranean Orchestra.