Mara anzjana fl-Awstralja mietet kaġun ta’ daqqa ta’ munqar li qalgħet mingħand serduk li kienet trabbi waqt li kienet tiġbor il-bajd fejn kien hemm it-tiġieġ. Is-serduk taqqbilha vina varikuża u ftit wara mietet għax tilfet ħafna demm. Ir-rapport ta’ mewtha jsemmi diversi kawżi li wkoll setgħu wasslu għall-mewt tal-mara imma l-kawża prinċipali kienet it-telf tad-demm.

Isem il-mara ma ngħatax fl-midja biex il-qraba tagħha ma jweġġgħux aktar wara l-mewt ta’ persuna li kienet tant maħbuba minnhom. Wara l-każ, l-awtoritajiet tas-saħħa Awstraljani ħarġu twissija fejn appellaw biex kulħadd joqgħod attent mill-annimali, anki dawk miżmuma bħala pets, għax dawn jistgħu jikkaġunaw l-imwiet.

Il-Professur Roger Byard li sema’ bil-każ qal li dawk l-anzjani li jkollhom vini varikużi għandhom jagħmlu operazzjoni sempliċi biex jew ineħħuhom jew inaqqsuhom għax fl-età tagħhom faċli li jinkisru.

“Għamilna bosta studji,” qal Byard, “li wrew li kien hemm nies li żvinaw meta laqtu riġlejhom ma’ xi ħaġa fid-dar u mietu.”