Plejer tal-futbol tat-tim Malti laqqat sentenza ta’ 15-il xahar ħabs wara li nstab ħati li ta fastidju lill-eks tfajla tiegħu.

Clifford Gatt Baldacchino wieġeb mhux ħati li għamel użu ħażin minn mobile, li ġiegħel lill-eks sieħba tiegħu tibża’ mill-vjolenza, u li heddida.

Il-każ ġie ttrattat bħala wieħed ta’ vjolenza domestika. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien iffissat fl-eks tiegħu. Il-Qorti diġà kienet avżatu biex ma jersaqx lejha. Il-mara kienet temmet ir-relazzjoni xi xhur qabel.

Gatt Baldacchino diġà kien instab ħati li kiser ordni ta’ protezzjoni tal-qorti u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu minn sentenza sospiża maħruġa fis-16 u t-23 ta’ Awwissu dwar l-istess reat.

Il-Qorti qalet li l-akkużat kellu biżżejjed ħin biex jifhem in-natura ta’ dak li għamel. Madanakollu, sar reċediv.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ta sentenza ta’ disa xhur ħabs u multa ta’ €1,000. Il-plejer Malti ngħata sentenza oħra ta’ sitt xhur minħabba s-sentenza sospiża li issa daħlet fis-seħħ.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni oħra ta’ ħames snin favur il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella. Id-difiża temxxiet minn Jean Paul Sammut.