Twitter / UNHCR Rwanda

Ir-refuġjati li jinsabu maqbuda fi Libja se jiġu evakwati lejn Rwanda. Permezz ta’ ftehim ġdid bejn il-Gvern ta’ Rwanda, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Union Afrikana se jkun qed jinħoloq mekkaniżmu biex isir dan.

Persuni li qed ifittxu ażil u refuġjati li bħalissa jinsabu f’ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja se jiġu evakwati lejn Rwanda fejn se jirċievu protezzjoni. Huma se jiġu trasferitti lejn Rwanda fuq bażi volontarja.

L-ewwel grupp ta’ 500 persuna li huma primarjament minn pajjiżi fil-Grigal tal-Africa se jiġu evakwati lejn Rwanda. Fosthom hemm tfal u żgħażagħ li jinsabu f’riskju.

Fost dawk li se jaslu Rwanda se jkun hemm min jista’ jibbenefika li jintbgħat lejn pajjiżi terzi filwaqt li oħrajn se jgħinuhom jmorru f’pajjiżi fejn qabel ingħataw ażil. Oħrajn se jiġu mgħejjuna jmorru lura pajjiżhom sakemm dan ma jkunx ta’ theddida fuq ħajjithom. Xi uħud se jitħallew jibqgħu f’Rwanda.

It-titjiriet b’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Libjani u dawk ta’ Rwanda mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. L-Union Afrikana se tkun qed tipprovdi assistenza bl-evakwazzjonijiet, appoġġ strateġiku u politiku b’taħriġ u koordinament kif ukoll tipprovdi r-riżorsi. Il-UNHCR se tkun qed tipprovdi servizzi ta’ protezzjoni kif ukoll assistenza umanitarja li tinkludi ikel, ilma, fejn joqgħodu, edukazzjoni u servizzi tas-saħħa.

Il-UNHCR ħeġġet lill-komunità internazzjonali biex tagħti sehma u tgħin bir-riżorsi biex b’hekk il-ftehim jiġi implimentat.

Mill-2017, iktar minn 4,400 persuna li qed ifittxu ażil jew inkella huma refuġjati ġew evakwati mil-Libja.

Huwa stmat li madwar 4,700 persuna għadhom maqbuda f’ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja.