Wieħed mill-irġiel akkużati bl-istupru ta’ mara fl-2016 instab ħati filwaqt li ieħor ma nstabx ħati mill-ġurati.

Wara sitt sigħat ta’ diskussjoni, il-ġurati sabu lil Seydon Bandango minn Burkina Faso ħati bl-istupru. Ir-raġel l-ieħor min-Niġerja ma nstabx ħati. Il-ġuri sar wara bibien magħluqa, u għalhekk ftit ħarġu dettalji dwar il-każ. Is-sentenza mistennija tinqata’ għada.

Il-każ seħħ f’Lulju 2016 meta l-mara nħatfet mill-bajja ta’ San Ġorġ u ġiet stuprata f’Pembroke.

Skont rapporti li ħarġu meta ġara l-każ, il-Pulizija marru fuq il-post wara li sar rapport. Hemm sabu tfajla titlob għall-għajnuna b’raġel għarwien minn qaddu ‘l isfel f’karozza. Kien hemm ukoll raġel ieħor barra l-karozza li ħarab imma nqabad aktar tard.

Ġuri stupru: Il-ġurati jiddeliberaw; illejla mistenni l-verdett

Għall-akkużati qed jidhru l-avukati tal-għajnuna legali Charmaine Cherrett u Simon Micallef Stafrace.

L-avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-vittma. L-Ispetturi Trevor Micallef u Elton Taliana mexxew l-investigazzjoni. Il-ġuri għaddej quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti.