Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ talab lill-Parlament biex jiddikjara stat ta’ emerġenza għat-tibdil fil-klima. It-talba saret meta dalgħodu tlaqqa’ mill-ġdid il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ organizzat mill-istess Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Id-diskussjoni saret f’żewġ ‘seduti parlamentari’ biż-żgħażagħ li mlew is-siġġijiet parlamentari jqajmu kwistjonijiet varji dwar l-edukazzjoni ċivika, għall-ugwaljanza, l-użu tal-plastik u l-iżvilupp sostenibbli.

Fost temi oħra li spikkaw kien hemm l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-femminiżmu.

Id-dibattitu ta’ filgħodu bejn it-13 u t-18-il sena ffoka fuq tliet temi: l-edukazzjoni ċivika, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-użu tal-plastik ta’ darba.

Żgħażagħ bejn 13 u 18-il sena kienu maqsuma fi tliet gruppi jew partiti, dawk tal-implementazzjoni tal-Edukazzjoni Ċivika, il-plastik li jintuża darba biss (single-use plastic), u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Iż-żgħażagħ bejn id-19 u 35 sena li kienu maqsuma bejn l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Użu tat-Teknoloġija għall-Iżvilupp Sostennibli u s-Sistema Edukattiva f’Malta.

Fis-seduta ta’ filgħaxija, dawn tal-aħħar iddiskutew temi oħrajn fost is-sistema edukattiva f’Malta, l-użu tat-teknoloġija, l-iżvilupp sostenibbli u l-Intelliġenza Artifiċjali.

Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg mexxiet iż-żewġ sessjonijiet tal-Parlament Żgħażagħ. F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, qalet li tapprezza ħafna x-xewqa tal-adolexxenti u żgħażagħ li jixtiequ aktar għarfien tal-kontribut li jistgħu jagħtu lejn l-iżvilupp ta’ pajjiżna u s-sinifikat li dan jista’ jħalli fl-iżvilupp tal-politika Ewropea u dik tal-Mediterran u lil hinn minnu.

Waqt id-diskussjoni, ħadu sehem ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima, u l-membri parlamentari David Agius, Ryan Callus, Rosianne Cutajar, Karl Gouder u Ivan Bartolo.

Intant, it-Team Start PN fi stqarrija qal li qed jilqa’ t-talba urġenti li saret sabiex il-Parlament Malti jiddikjara stat ta’ emerġenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u jemmen li b’din l-inzijattiva jekk milqugħa mill-Parlament, il-pajjiż inkun qed jagħmel pass konkret ‘il quddiem sabiex bħala nazzjon niffaċċjaw il-kriżi li sal-lum ftit li xejn sar dwarha.