Wara li llum it-triq ta’ max-xatt tal-Gżira spiċċat mgħarrqa bid-drenaġġ jidher li qed isir ix-xogħol neċessarju biex jitneħħa s-sadd.

Dalgħodu bdew jiġu ċċirkolati ritratti fuq il-media soċjali li juru t-triq ta’ max-xatt tal-Gżira miksija bl-ilma. Filwaqt li mal-ħakka t’għajn wieħed jaħseb li dan l-ilma kien forsi ilma baħar, il-kummenti ta’ mar-ritratti wrew mod ieħor. Bosta lmentaw li bilkemm setgħu jieħdu nifs bir-riħa ta’ drenaġġ li ħakmet it-triq. Filwaqt li f’ħinijiet tat-traffiku ħafna qalu li ma jifilħux jissapportu r-riħa.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali li spjega li huwa infurmat bil-każ. Uffiċjali mill-istess Direttorat jinsabu fuq il-post. Intant, fil-preżent ħaddiema tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma qed jaħdmu sabiex jitneħħa s-sadd li hemm fis-sistema tad-drennaġġ pubbliku. Id-Direttorat ma kkonfermax għal x’ħin se tiġi solvuta l-problema u lanqas jekk każi tat-tip jistax ikollhom impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika.

Din il-kamra tal-aħbarijiet bagħtet ukoll mistoqsijiet lill-Kunsill Lokali dwar il-każ. Sal-ħin tal-pubblikazzjoni baqgħet ma waslet l-ebda risposta.