Il-Papa jkellem grupp ta' tfajliet fil-Mozambique

Il-Papa qal lill-ġurnalisti li akkumpanjawh fil-vjaġġ li għamel ftit jiem ilu fi tliet pajjiżi Afrikani li t-tfal huma t-teżor ta’ kull pajjiż u wera l-fehma li l-għeruq tal-problema demografika fl-Ewropa hi li kulħadd iħossu komdu.

Meta wieġeb mistoqsija ta’ ġurnalista mill-Afrika dwar iż-żgħażagħ, Papa Franġisku qal li l-Afrika hi continent żagħżugħ u meta komparat mal-Ewropa għandu ħajja żagħżugħa. Hu rripeta dak li kien qal fi Strasbourg ftit ilu li “ommna l-Ewropa” saret “In-Nanna Ewropa”. L-Ewropa xjieħet u qed tesperjenza xitwa demografika serja.

“Dan l-aħħar rajt statistika uffiċjali, ma niftakarx ta’ liema pajjiż, li sal-2050 f’dan il-pajjiż partikolari fl-Ewropa se jkun hemm aktar pensjonanti milli nies jaħdmu. Dan hu traġiku. Mnejn hi ġejja din ‘ix-xjuħija’ tal-Ewropa?”, staqsa Papa Franġisku.

Kulħadd iħossu komdu

“Fl-opinjoni personali tiegħi l-għeruq tal-problema hu li kulħadd iħossu komdu u tajjeb. ‘Aħna komdi. Mhux se jkolli tfal għax irrid nixtri villa jew immure vakanza regolarment. Kif jien qiegħed tajjeb, tarbija hi riskju għax qatt ma taf x’jista jiġri’.

“Din il-kumdità u t-trankwillita, ixxejħek. Għall-kuntrarju, l-Afrika hi mimlija ħajja. Fl-Afrika rajt ġesti li ltqajt magħhom fil-Filippini u fil-Colombia. Nies jgħollu lit-tfal fl-arja bħallikieku jridu jgħidu ‘dan hu t-teżor tiegħi, jien kburi bih, dan ir-rebħa tiegħi’.

“It-tfal huma t-teżor tal-fqir. Iżda huma wkoll it-teżor ta’ pajjiż. Ġesti simili rajthom fl-Ewropa tal-Lvant speċjalment dik in-nanna f’ Iasi, tixxabbat biex turi lit-tarbija tagħha.

“Xogħolna hu li nedukaw liż-żgħażagħ u nagħmlu liġijiet għalihom. L-Edukazzjoni hi prijorità fl-Afrika bħalissa”.

Il-Papa svela li l-Prim Ministru tal-Mauritius kellmu dwar l-edukazzjoni. “Qalli li jrid joffri sistema edukattiv bla ħlas għal kulħadd. Sistema edukattiva bla ħlas hi important għax hemm ċentri edukattivi ta’ livell, imma bi ħlas.  F’kull pajjiż hemm ċentri edukattivi, iżda dawn hemm bżonn nimmultiplikawhom biex jilħqu lil kulħadd. Bħalissa l-liġijiet dwar l-edukazzjoni u s-saħħa huma prijorità”.

Xenofobija

Papa Franġisku wieġeb ukoll domanda dwar ix-xenofobija u qal li din mhux problema tal-Afrika biss. “Din marda umana, bħal ħosba. Marda li tidħol f’pajjiż, f’kontinent. U aħna nibnu l-ħitan. Imma l-ħitan iħallu ‘l ġewwa minnhom lil dawk li jibnuhom biss. Iħallu ħafna nies barra, imma dawk li jibqgħu ġewwa jibqgħu weħidhom u fl-aħħar jispiċċaw mirbuħa minn invażjonijiet kbar.

“Ix-xenofobija hi marda. Kultant nippruvaw niġġustifikawha kif kellna fis-seklu l-ieħor bl-iskuża li ‘nżommu l-purezza tar-razza’. Ħafna drabi x-xenofobija tirkeb fuq il-populiżmu politiku. Ftit ilu għidt li f’xi postijiet nisma diskorsi li jinstemgħu qishom dawk li kien jagħmel Hitler fl-1934, donnhom iridu jreġġgħu l-Ewropa għall-imgħoddi.

“Fl-Afrika hemm ukoll problema kulturali li jeħtieġ tkun solvuta. Kont tkellimt dwarha fil-Kenja: it-tribaliżmu. Hemm wieħed irid jeduka biex iġibu flimkien id-diversi tribujiet u joħloq nazzjon wieħed.

“Ftit ilu fakkarna l-25 anniversarju mill-ġenoċidju tar-Rwanda: dak kien effett tat-tribaliżmu. Niftakar li fl-istadium tal-Kenja kont tlabt lil kulħadd iqum bil-wieqfa, jieħdu b’id xulxin u jgħidu: ‘Le għat-tribaliżmu’. Irridu ngħidu le għat-tribaliżmu u nagħlqu dan il-kapitlu.

“Hemm ukoll xenofobija domestika. Imma xorta xenofobija. U din irridu niġġieldulha: kemm ix-xenofobija ta’ pajjiż kontra l-ieħor, ix-xenofobija interna u t-tribaliżmu iwasslu għal traġedji umani kbar bħala ma seħħ fi Rwanda”, temm jgħid il-Papa.