Iż-żgħażagħ qed jagħżlu korsijiet oħrajn offruti mill-Università għax dawn iwasslu għal xogħlijiet b’pagi aħjar minn dawk ta’ għalliema. Dan qalitu l-Fakultà tal-Edukazzjoni fi stqarrija dettaljata.

Il-Fakultà insistiet li n-nuqqas ta’ għalliema ma għandu xejn x’jaqsam mal-kontenut tal-kors. Qalet li fl-2016, il-Fakultà għamlet riforma fil-kors billi ħarġet Masters in Teaching and Learning (MTL). Dan il-Masters irrifletta xejriet ta’ korsijiet simili internazzjonali, bħal fil-Finlandja.

“Il-programmi tal-edukazzjoni tal-għalliema huma serji,” insistiet il-Fakultà. Dawn jiġu analizzati minn eżaminaturi barranin u esperti fl-edukazzjoni li jiġu mistiedna jirrevedu l-korsijiet lokali. Qalet li l-programm tal-Masters huwa bbażat fuq realtajiet fl-iskejjel li jiddiskuti problemi relatati mal-bżonnijiet soċjali, emozzjonali u edukattivi tal-istudenti. Il-foka hija fuq kif l-għalliema jistgħu jadattaw ruħhom għall-karattersitiċi tal-individwi fil-klassijiet tagħhom.

Aqra: “Hemm ħafna soluzzjonijiet oħra li ma jinvolvux il-bżonn ta’ għalliema barranin” – MUT

Għal din ir-raġuni, il-Fakultà dejjem baqgħet imħassba dwar l-ingaġġ ta’ supply teachers fi skejjel lokali li jkollhom rekwiżiti minimi. Il-Fakultà ħadmet sabiex tipprovdi l-għajnuna neċessarja fis-settur billi toffri programmi edukattivi fl-Edukazzjoni Vokazzjonali. Dan sabiex il-gradwati jkunu jistgħu jgħallmu dawn is-suġġetti ġodda li qed jiġu introdotti fl-iskejjel.

Il-Fakultà rrikonoxxiet il-bżonn li grupp alternattiv ta’ għalliema ikunu ngaġġati sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet fl-iskejjel. Irrikonoxxiet li dan ifisser ukoll ingaġġ ta’ għalliema barranin.  Il-Fakultà qalet li importanti li dawn ikollhom kwalifiki ekwivalenti għal dawk Maltin. Intant, sostniet li l-awtoritajiet iridu jieħdu inizjattivi fit-tul fejn iżidu l-istipendju tal-għalliema waqt li qed jistudjaw, u l-pagi meta jidħlu fil-professjoni. Talbu għal aktar opportunitajiet fejn jidħol progress fil-karriera.