Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar li l-mistiedna ewlenija għall-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għal dis-sena hi l-Imħallef u kittieba Rosemarie Aquilina.

Aquilina, bint emigrant Malti u emigranta Ġermaniża, kisbet fama internazzjonali s-sena l-oħra meta kienet l-imħallef fil-każ ta’ Larry Nassar, li nstab ħati li abbuża 156 atleta meta kien tabib tat-tim Olimpiku tal-Istati Uniti, każijiet li jmorru lura sal-1992.

Il-mod kif mexxiet il-każ u l-lingwaġġ iebes li esprimiet fil-konfront ta’ Nassar sabu posthom fil-midja internazzjonali, iżda l-aktar att sinjifikanti tal-Imħallef kien li tat iċ-ċans lil 140 persuna jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom quddiem l-aggressur.

Barra mill-qrati, l-Imħallef Aquilina hija attivista kontra l-abbuż sesswali u taħdem favur id-dinjità tal-persuni li jsofru l-abbuż. Fost l-oħrajn kien ewlieni l-intervent tagħha biex jinbidel statut li jagħmilha ferm diffiċli għal persuni misjuba ħatja ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal.

Minbarra l-professjoni legali tagħha, l-Imħallef Rosemarie Aquilina hija wkoll kittieba, u ppubblikat żewġ rumanzi ġjalleski: Feel No Evil (2003, Porch Swing Press) u Triple Cross Killer (2017, Fiery Seas Publishing).

Il-pubbliku li se jkun qed jattendi l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għandu ċ-ċans li jiltaqa’ ma’ din il-mistiedna speċjali waqt attivitajiet iddedikati lilha kemm bħala kittieba iżda anki bħala kelliema u attivista voċifera.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru, iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.