Il-qasam tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ kontra l-ħasil tal-flus, MONEYVAL, qal li Malta għandha żżid l-isforzi tagħha biex tinvestiga l-ħasil tal-flus u żżid il-prosekuzzjonijiet.

Dan qalitu f’rapport li għamel analiżi dettaljata dwar kemm huma effettiva l-isforzi ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Il-MONEYVAL rikonoxxiet li l-awtoritajiet wrew li jifhmu l-vulnerabilitajiet fi ħdan is-sistema. Però, qal li hemm numru ta’ fatturi oħra importanti li jidher li mhumiex qed jiġi analizzati jew mifhuma sew.

Il-MONEYVAl qalet li għalkemm hemm qafas tajjeb biex Malta tiġġieled l-iffinanzjar tat-terroriżmu, kien hemm ftit investigazzjonijiet biss f’dan il-qasam. Ma kien hemm l-ebda prosekuzzjonijiet jew kundanni kriminali.

Skont ir-rapport, il-awtoritajiet qed jiffokaw aktar fuq il-ġbir tat-taxxi milli fuq investigazzjonijiet kriminali.

Ġew elenkati madwar 16-il punt ta’ azzjoni li għandhom bżonn jingħataw prijorità.

Abbażi ta’ dak li sabet f’Malta, il-MONEYVAL iddeċidiet li tagħem analiżi oħra dettaljata u Malta ġiet mistienda terġa’ tirapporta lura f’Diċembru tal-2021. L-analiżi tal-MONEYVAL f’Malta saret bejn il-5 u s-16 ta’ Novembru 2018.

F’reazzjoni għar-rapport, il-Gvern Malti qal li jilqa’ s-sejbiet tiegħu u li jinsab kommess biex jimplimenta pjan ta’ azzjoni. Il-Gvern qal dan fi stqarrija maħruġa mill-Ministeri għall-Finanzi, għall-Intern, għall-Ġustizzja, u mis-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji.

Il-Gvern qal li l-Kumitat Nazzjonali tal-Koordinazzjoni (NCC) b’kollaborazzjoni ma 20 istitutzzjoni se jkunu qed iħejju pjan ta’ azzjoni ta’ sena biex jimplimentaw it-58 rakomandazzjoni tal-MONEYVAL.

Nuqqas ta’ ħeġġa biex jiġu investigati high profile cases – PN

F’reazzjoni għar-rapport tal-MONEYVAL il-PN qal li juri nuqqas ta’ ħeġġa biex jintemmu investigazzjonijiet dwar “high profile cases” bħal każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus minn nies qrib il-Gvern.

Fi stqarrija ffirmata mill-MP Mario de Marco, il-PN qal li l-Gvern dgħajjef l-istituzzjonijiet u poġġa f’riskju serju s-settur tas-servizzi finanzjarji li jipprovdi eluf ta’ xogħlijiet.

“Il-Gvern, kien avżat min qabel li kienu ġejjin esperti sabiex iħejju dan ir-rapport imma għamel ftit li xejn biex jindirizza l-problemi serji li kien u għad hawn fl-infurzar tal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus,” qal il-PN.

Ħafna mill-kwistjonijiet nibtu mit-telqa ta’ amministrazzjoni preċedenti – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista (PL) qal li ħafna mill-kwistjonijiet nibtu minn snin ta’ telqa minn amministrazzjoni preċedenti. Il-PL qal li l-gvern qed jieħu bl-ikbar serjetà l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus għaliex qed jimplimenta numru kbir ta’ riformi.

“B’hekk mhux jistenna lill-PN jgħidlu x’għandu jagħmel anke għax il-Kap tiegħu ma tantx jista’ jkun kredibbli dwar is-suġġett meta hemm tant allegazzjonijiet dwaru li ma weġibx fuqhom,” qal il-PL.

Wieħed jista’ jaqra r-rapport tal-MONEYVAL minn hawn.