Home ​L-ugwaljanza taħt il-lenti fil-Golden Awards

    ​L-ugwaljanza taħt il-lenti fil-Golden Awards

    4 minuti qari

    Is-suġġett tal-ugwaljanza bejn is-sessi issa ilu jkun diskuss u bil-kemm ma kienx hawn min kien iħossu irritat meta jqum is-suġġett. Kummenti bħal ‘xi jridu aktar’ meta jirreferu għan-nisa kienu komuni ukoll. Konna ukoll inħarsu lejn id-dinja tal-punent u naħsbu li hawnhekk m’għadx baqa problemi u l-mara u r-raġel huma meqjusa ndaqs.
    Fil-Punent, il-liġijiet fuq dan is-suġġett veru jagħtu l-ispazju lil kulħadd u jħallu lil kulħadd iċ-ċans li jgħixu l-ħajja kif jixtieq u bil-possibiltajiet ta’ karriera li wieħed ikun irid. Imma bejn dak li tgħid il-liġi u dak li veru jkun qed isir hemm baħar jaqsam. Biex dejjem imbenġlu s-sitwazzjoni, kull meta xi mara tasal għal xi pożizzjoni jew xi karriera mhux tas-soltu, ara l-media ddoqq it-trumbetti u tagħmel il-ħsejjes. Dan il-fatt waħdu diġa jindika li n’hemmx ugwaljanza!
    Imbagħad ikun hemm okkażżjoni bħal ma hija l-Golden Awards u persuna bħal Oprah Winfrey tħoss li għandha tonora lil dawk in-nisa kollha li kienu sfruttati minn irġiel li użaw il-pożizzjoni tagħhom u abbużaw minnhom. Il-każijiet li ħarġu fl-apert dan l-aħħar huwa kbir.
    Ħaġa veru xokkanti li nsiru nafu li numru ta’ nisa li kellhom il-ħolma li  jagħmlu karriera fl-ispettaklu, u li kellhom jissaportu li jkunu umiljati u sfruttati b’mod inaċċettabbli minn xi rġiel li użaw l-poter li tagħtihom il-pożizzjoni tagħhom. Qed ngħid ‘xi rġiel’ għax dik hi l-verita: huma biss xi wħud li għadhom jaħsbu li huma l-fuq mill-liġi u li jistgħu jagħmlu li jridu.
    Hija ħasra li dawn l-istess nisa li baqgħu ma fetħux ħalqhom kienu fil-fatt qed jgħinu indirettament sabiex oħrajn jgħaddu mill-istess esperjenza. Biss mhix faċli li tiftaħ ħalqek f’dawn iċ-ċirkustanzi għax malajr issib ruħek barra allavolja jkollok t-talent u t-taħriġ. Daqshekk kbir il-poter.
    Imma għax tkellmu l-ħafna, s-sitwazzjoni nbidlet. Parti mill-istrateġija dejjem hi li l-vittma tiġi mhedda li mhux ser tkun emnuta jew se tkun irredikolata u għalhekk kien hemm il-ħafna li damu ma tkellmu u oħrajn li ma se jitkellmu qatt.
    Imbagħad infaqet il-bużżieqa … u d-dinja stagħġbet u stmerret li dawk li kienu qed jabbużaw. Għax id-dinja hekk tagħmel: l-ewwel twassal messaġġ mod imbagħad twassal messaġġ mod ieħor u miskin hu min ikun maqbud fil-problema.
    Sakemm jibqa jkun hawn min juża l-poter tiegħu sabiex jonqos mir-rispett lejn ħaddieħor ser jibqa jkun hawn l-abbuż. Sakemm jibqa hawn min jaħseb li hu huwa aqwa u aħjar minn ħaddieħor, ser jibqa jkun hawn min ibgħati forsi ukoll fis-silenzju sakemm is-soċjeta twassal il-messaġġ u tagħti l-appoġġ meħtieġ  li dan mhux aċċettabbli u allura jitkellmu. Imma dan jista jseħħ biss meta jkun hawn l-klima li mhux kollox jgħodd ….
    Din il-bidla fil-klima sseħħ biss bl-edukazzjoni u bl-infurzar tal-liġi u billi l-ħafna jsibu l-kuraġġ li jitkellmu u ħafna oħra jagħtuhom s-sapport meħtieġ. L-irġiel favur l-ugwaljanza għamlu ħafna ġid u wrew li mhux kulħadd  għadu jgħix bil-mentalita tal-għerien.
    Waqt il-Golden Awards Oprah Winfrey  qalet: ‘For too long, women have not been heard or believed if they dared speak the truth to the power of those men ….but their time is up’.
    Hekk nittama …
    Sina Bugeja
    CEO Special Projects
    MInisteru tas-Saħħa