Home Il-Konfort tal-Unjoni Ewropea fil-Vjetnam

    Il-Konfort tal-Unjoni Ewropea fil-Vjetnam

    5 minuti qari

    Ilbieraħ fil-Parlament Malti approvajna liġi tal-Unjoni Ewropea li se tagħti iktar drittijiet lilna ċ-ċittadini Ewropej meta niġu bżonn għajnuna konsulari f’pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ewropea.

    Immaġinak qiegħed fuq btala l-Vjetnam u tisfa' vittma ta’ serqa. Jisirqulek id-dokumenti, il-passaport u affarijiet oħra personali. X’taqbad tagħmel jekk ma tistax tinqeda f’Ambaxxata Maltija peress li f’dan il-pajjiż m’għandniex? B’din il-liġi tista’ titlob l-għajnuna minn Ambaxxata ta’ stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea. Meta tkun f’pożizzjoni dgħajfa bħal din, verament ikollok bżonn għajnuna minn xi ħadd li jitrattak b’rispett u b’dinjità. Din hija liġi li żżid is-solidarjetà bejn il-popli Ewropej u tfakkarna fil-benefiċċji li pajjiż żgħir tal-Unjoni Ewropea qiegħed kontinwament jirċievi. 

    Xi tfisser għalina din il-liġi?

    Fi kliem sempliċi, jekk tkun imsiefer f’pajjiż ieħor, inti se tkun moħħok mistrieħ li f’każ ta’ bżonn tista’ tuża’ l-għajnuna konsolari mir-rappreżentanza konsolari ta’ stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li jkollu r-rappreżentanza f’dak il-pajjiż, jekk Malta ma jkollhiex ambaxxata jew konsulat preżenti. Per eżempju fil-Vjetnam tista’ tinqeda mill-ambaxxata ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi; l-Awstrija, Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Id-Danimarka, Finlandja, Franza, Il-Ġermanja, Il-Greċja, Ungerija, Irlanda, l-Italja, l-Olanda, Polonja, Rumanija, Slovakkja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit. Xi tfisser il-kelma konsulari?

    Din it-tip ta’ għajnuna tissejjaħ għajnuna konsulari. Hija xi ħaġa li l-ewwel darba li ġiet regolata kien fl-1963 il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari li huwa trattat internazzjonali li jiddefinixxi qafas għar-relazzjonijiet konsulari bejn stati indipendenti, anki f’każi fejn il-passaport jiġi misruq jew mitluf, jew minħabba li dak li jkun jisfa' vittma ta’ inċident jew delitt. Japplika wkoll għaċ-ċittadini li jsibu ruħhom f'nofs kriżi, bħal diżastru naturali jew inkwiet politiku, u jkollhom bżonn evakwazzjoni bħalma ġara fil-Libja, meta l-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi ġabhom Malta. 

    Dan kollu tajjeb, iżda l-Unjoni Ewropea  marret pass oltre u qed tagħtina protezzjoni konsulari f’pajjiżi li m’għandniex ambaxxata fihom. Fil-fatt il-Kummissjoni Ewropea għandha sit elettroniku li minnu tkun taf fejn l-aħjar li tmur meta tkun f’pajjiż fejn m’għandekx Ambaxxata ta’ pajjiżek u jkollok bżonn għajnuna minn Ambaxxata ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea. 

    Kif se niġu mgħejjuna aħna ċ-ċittadini Maltin?

    Din il-liġi tagħmilha ċara li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhux rappreżentati għandhom id-dritt li jfittxu l-għajnuna minn kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom jipprovduhom bl-għajnuna li jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom stess. Il-liġi tiċċara wkoll sa liema punt il-membri li mhumiex parti mill-familja tal-Unjoni jistgħu jiksbu l-għajnuna.

    Il-liġi tistipula kif l-assistenza għandha tkun ikkoordinata bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-pajjiż tal-oriġini dejjem jiġi kkonsultat mill-pajjiż minn fejn iċ-ċittadin qed ifittex l-għajnuna u jista' fi kwalunkwe ħin, jiddeċiedi li jieħu ħsieb iċ-ċittadini tiegħu stess, anke meta ma jkollux ambaxxata jew konsolat fil-pajjiż ikkonċernat (eżempju, billi tipprovdi informazzjoni fuq it-telefon, tikkuntattja familja jew ħbieb, jew permezz ta' servizzi konsulari onlajn). Il-liġi għalhekk iżżomm ir-rwol kruċjali tal-pajjiż tal-oriġini biex jieħu ħsieb iċ-ċittadini tiegħu stess f'diffikultajiet barra mill-pajjiż.

    Il-liġi tagħmilha ċara wkoll li ċittadin li qed ifittex għajnuna minn ambaxxata jista’ jiġi indirizzat mill-ġdid lejn persuna oħra li tkun f'pożizzjoni aħjar biex tassisti. Dan minħabba li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-pajjiż jistgħu jaqblu lokalment dwar min għandu jieħu ħsieb lil min sabiex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti. L-informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti trid issir pubblika. Iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jirrikorru għand id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea biex jiksbu informazzjoni ġenerali dwar ftehimiet bħal dawn jew dwar l-għajnuna li jistgħu jkunu intitolati għalihom.

    Il-liġi tipprevedi wkoll regoli speċifiċi biex jiggarantixxu li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jiġu kkunsidrati u megħjuna bis-sħiħ f'sitwazzjonijiet ta’ kriżi, fejn diviżjoni ċara ta' responsabbiltajiet u koordinazzjoni huma ta' importanza kbira.

    Drittijiet Ugwali

    Aspett ieħor ewlieni ta' din il-liġi huwa li jkun ċar min għandu jħallas għal xiex. Il-liġi tiċċara li jekk l-assistenza pprovduta timplika ċerti spejjeż jew ħlasijiet, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhux rappreżentati mhux se jkollhom iħallsu aktar miċ-ċittadini tal-pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tassistihom.
     

    Id-deputat David Stellini huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Unjoni Ewropea u huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.