Home ​Ittra miftuħa lis-Sur Debono

    ​Ittra miftuħa lis-Sur Debono

    5 minuti qari

    Ittra miftuħa lil Silvio Debono – Ċermen dbGroup
    Għażiż Sur Debono,
    Insellimlek
    Għadni kemm irċivejt telefonata minn residenta li toqgħod Pembroke. Qalbha kienet maqsuma. Leħinha kien imriegħed. Lil din il-persuna jien ma nafhiex, iżda xtaqet issib faraġ miegħi. B’karba mqanqla qaltli biex nitkellem f’isimha. Il-ħolma ta’ din l-omm hi li t-tfal għeżież tagħha jikbru fl-lokalità li għalkemm ġdida, għandha ċertu karatteristiċi, iżda  jidher li dak li hi u żewġha ħadmu għalih ser itir mar-riħ. 
    Il-Ġimgħa attendejt ukoll laqgħa pubblika li ssejħet minn żewg NGOs fl-iskola ta’ din il-lokalità. Kien hemm skoss nies. Qsamna fehmtna. Xtarrejna…imma fl-aħħar mill-aħħar il-ħabel hu f’idejk. Int tħoll u torbot.
    Għalhekk iddeċidejt li niktiblek. Lili ma tafnix. Forsi tafni ftit mill-ħajja rappreżentattiva tiegħi. Li hu żgur hu, li int taf sew mill-mod kif dejjem esprimejt ruħi fil-pubbliku dwar dan il-proġett, li jien minn dejjem kont wieħed minn dawk li ma qbiltx mal-mod kif il-gvern li jien kont parti minnu fil-legiżlatura l-oħra, għadda l-art pubblika tal-ITS bi prezz irħis lilek. Int forsi taraha mod ieħor. Imma int fin-negozju u taf l-affarijiet sew kif imorru fis-suq tal-bejgħ tal-art. Hu fatt li l-prezz tal-art mgħoddija ma hux wieħed reali meta mqabbel mal-prezz tas-suq.
    Niftakar imma li darba jien u int iltqajna. Ma ninsa qatt il-ġrajja ħelwa li int irrakkontajtli. Qed nirreferi għal dik tal-qanneb.  Ser nerġa’ nfakkarhielek….persważ li int ma jonqsok xejn. Hu l-Bambin li tak id-dehen biex int kabbart ġidek. Nifhem li int bħali ġej minn raħal li hu ġawhra. Bdejt mix-xejn, ħdimt u wasalt. Forsi d-differenza bejnietna hi li int pro-business u jien bniedem tan-nies li servejt dejjem bis-saħħa tal-vokazzjoni ta’ ħidmieti.
    Se nagħmillek talba f’isem pajjiżi u fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. 
    Nifhem li ser tifhimni, imma għall-mument nixtieqek tinsa l-pika li dħaltu għaliha nofs tużżana nies tan-negozju, biex bejnietkom tissieltu għal min ser jibni l-ikbar, l-aqwa u l-isbaħ torri fi gżiritna. Donnkom kollha kapaċi tinfluwenzaw  lil min għandu poter u jew xi influwenza pubblika oħra biex tgħaddu romblu…Għax ejja ngħiduha kif inhi, kollox jidher li miexi fuq ir-rubini favur kull multi-purpose project meta niftakru li dan il-proġett, bhal ta’ oħrajn, miexi mingħajr National Masterplan u mingħajr Pjan ħolistiku għal Paceville u ‘l madwar. Hi sfortuna li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tħares lejn kull żvilupp ta’ dan it-tip fl-inħawi ta’ San Ġiljan u Pembroke b’ mod fragmentat u bla linji gwida professjonali u xjentifiċi. Jidher li għaddejjin minn mument li min hu l-aqwa jħawwel u l-Awtorità qed tinsa x’inhuma best practices.
    Għalhekk b’mod ġenwin qed nappellalek biex taħseb fil-ġrajja tal-qanneb. Sur Debono, nifhem li int tista’ tkun ferm differenti min-negozjanti l-oħra.
    Mad-daqqa t’għajn id-disinn u l-għoli tat-torri ta’ dan il-mega proġett hu xokkanti. Aħseb u ara  meta nesperjenzaw id-dellijiet li ser jitfa’ fuq ir-residenzi ta’ Pembroke, l-ibħra ta’ madwar u l-bajja ta’ San Ġorġ. Meta ħarist lejn il-pjanti sottomessi jidher car li hemm nuqqas ta’ spazji miftuħa għall-pubbliku li huma tanġibbli, ħtiega ta’ protezzjoni assoluta ta’ Għar Ħarq Ħamiem u l-bini tal-Barrakki ta’ San Ġorġ li huma skedati bħala grad numru 2.
    Ninnota wkoll li la jgħaddi l-permess, l-iżvilupp ser ikun sar mingħajr Development Brief. Qed tingħad li l-ħidma biex jittella’ u jitlesta l-bini minn kollox ser iddum erba’ snin. Hu żgur li l-impatt soċjali u ambjentali li ser iħalli fuq saħħet in-nies li jgħixu fil-lokalitajiet ta’ madwar hu wieħed fenominali, biex ma nsemmix ukoll l-iskart industrijali tal-proġett u l-forniment tal-utilitajiet li jridu jsiru mill-kaxxa ta’ Malta.
    Jiddispjaċini qed inkellmek b’dan it-ton. Imma hekk hu. Hemm ħafna fejn int tista’ tirranġa u tirrimedja aħjar.
    Jien tal-fehma li l-kobor u l-proporzjonijiet ta’ dan il-multi-use project hu wieħed li mhux adonju għal din iż-żona. Sintendi jien nifhem li l-konsulenti tiegħek jarawha minn lenti differenti imma jien qed nappella lilek. Niolbok, ilbes iż-żarbun tal-popolin u ara mil-lenti tiegħu. Ilbes il-korazza patrijottika ta’ Malti li int u ħares lejn l-effett ħolistiku tal-proġett. Nitolbok tħarisx biss lejn flus u aktar flus, iżda lejn ir-reputazzjoni u l-kredibiltà tiegħek.
    Ser nerġa’ nsemmi l-qanneb li int f’żogħżitek mort tixtri minn għand tal-ħanut u ma riedx jagħtik. Il-poplu Malti tak. Issa jmiss li int tagħti lura billi tħares dak li hu tagħna lkoll, billi int tagħzel l-interessi ta’ Malta.
    S’issa il-proġett ghadu tħażżiż fuq il-karta. Fadal iċ-ċans.
    Napella lil fehmtek u lill-qalbek.
    Sliem u saħħa
    Dr Godfrey Farrugia huwa Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku