Home ​Inweġġa’ meta jgħiduli: Issa int fiqt, tibqax tmur tiftaħ il-ferita

    ​Inweġġa’ meta jgħiduli: Issa int fiqt, tibqax tmur tiftaħ il-ferita

    5 minuti qari

    X’hemm isbaħ milli tiddedika parti mill-ħin tiegħek għall-volontarjat? Huma ħafna mill-voluntiera f’kull qasam li jgħidulek li dan hu l-aqwa xogħol, għaliex taf li dak li qed tagħmel, qed tagħmlu minn qalbek u għax verament trid int u mhux għall-flus jew għax hekk hemm bżonn. 
    Kif forsi wħud minnkom issa jafu l-istorja tiegħi, ilni għal dawn l-aħħar sitt snin voluntiera ma’ Puttinu Cares, l-organizzazzjoni li bis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, propju eżatt sitt snin ilu ġiet tgħini u toffrili kulma kien meħtieġ biex niġġieled kontra l-marda qerrieda tal-kanċer.
    Ftit snin ilu, propju f’Ġunju tal-2014, waqt li kont qed ngħin fil-maratona annwali ta’ 60 siegħa b’risq Puttinu iltqajt ma’ ġuvni, Jerome, li kien għadu kif daħal f’Rainbow Ward biex ikompli bil-kura tiegħu hemm. Minn dakinhar, għalkemm kien għadu għaddej bit-trattament, ingħaqqadna grupp ta’ żgħażagħ li kollha konna esperjenzajna din il-marda, u bdejna norganizzaw attivitajiet f’Rainbow Ward għat-tfal u żgħażagħ li kienu għadhom għaddejjin bil-kura.
    Il-ħbiberija soda tiegħi u ta’ Jerome wasslet li nimxu għal pass ieħor ‘il quddiem, dak li bdejna noħorġu flimkien. Għalkemm hu kien għadu jiġġieled kontra l-kanċer u għalhekk konna nqattgħu ftit ġranet mhux ħazin l-isptar, xorta waħda kien determinat li jgħin u naħdmu bi ħġarna flimkien għal Puttinu, u hekk bqajna nagħmlu, nista’ ngħid sal-aħħar jiem ta’ ħajtu. Minkejja li kien l-isptar muġugħ waqt il-maratona ta’ Puttinu f’Settembru li għadda, kien dar fuqi u talabni biex nieħdu vidjow biex inħeġġu lin-nies jagħtu l-kontribut tagħhom u nirringrazzjawhom talli bis-saħħa tad-donazzjonijiet tas-snin ta’ qabel kemm jien kif ukoll hu stajna mmorru għall-kura barra minn Malta.
    Wara li Jerome rebaħ il-ħajja ta’ dejjem f’Ottubru li għadda, propju eżatt ħmistax wara l-maratona ta’ Puttinu, kienu ħafna li qaluli kemm jammiraw il-fatt li minkejja dak kollu li għaddejt xorta waħda nibqa’ mmur ngħin lil Puttinu.
    Però insib ukoll min jgħidli “issa int fiqt u lesta mill-marda li kellek, tibqax tmur toqgħod tiftaħ il-ferita speċjalment li tlift lil Jerome, imxi ‘l quddiem”.
    Il-ferita qatt ma nerġa’ niftaħha, iżda tibqa’ hemm. Iva, vera li fiqt però qatt ma tista’ tinsa minn xiex tkun għaddejt. Għalija huwa l-akbar sodisfazzjon li mmur ngħin nies li nista’ verament nifhem minn xiex huma għaddejjin, xħin tara li nissilt tbissima fuq fomm it-tfal jew adulti li jkunu qegħdin jiġġieldu kontra din il-marda tant qerrieda, jew li sserħilhom rashom dwar l-Ingilterra:  x’se jsibu, kemm hemm bogħod, fost oħrajn, tgħid li bl-esperjenza qarsa li kelli ngħaddi minnha qed ngħin lil ħaddieħor. L-għan tiegħi hu biex ħaddieħor jekk jista’ jkun isib aħjar milli sibt jien.
    Iva, il-ħajja tkompli u għalhekk dawn l-esperjenzi kollha li għaddejt qatt ma waqqfuni milli nibqa’ għaddejja, infatti bħalissa ninsab l-Ingilterra nkompli bl-istudji tiegħi. Ma jfissirx li għax tgħin lil min hu fil-bżonn jiġfieri tkun weħilt fil-passat, lanqas xejn, anzi tkun trid tgħin biex min hu għaddej minnu bħalissa tagħtih il-kuraġġ u s-sapport meħtieġ sabiex anke hu jkun kapaċi jiġġieled biex ‘il quddiem ikompli fejn ħalla, jew tagħti kuraġġ lill-qraba tal-pazjenti sabiex jibqgħu sodi. 
    Jerome kien jgħidli li jiġri x’jiġri minnu, nibqa’ naħdem u nkompli fejn bdejna flimkien b’risq l-organizzazzjoni tant ghal qalbna, Puttinu Cares, u hekk se nagħmel jien.
    Fiżikament nimmisjah ħafna iva, però naf u konvinta li spiritwalment flimkien mal-għażizż ommi qegħdin jgħinuni mill-ġenna sabiex ngħin nies li għaddejjin minn xiex għaddew huma t-tnejn, biex kemm jista’ jkun il-battalja kontra din il-marda nagħmluhielhom ftit iżjed faċli. Jien u Jerome dejjem rajna t-tazza tagħna nofsha mimlija u mhux nofsha vojta u hekk nixtieq li ħafna nies jaraw it-tazza tagħhom.
    Is-sensazzjoni li tħoss meta tgħin lil min ikun fil-bżonn hi indeskrivibbli, diffiċli tfehma jekk ma tkunx esperjenzajtha. Li tagħmel xogħol volontarju u jkun verament ġej mill-qalb, tinsa kull ostaklu tal-ħajja biex tferraħ lil ħaddieħor, u bis-saħħa t’hekk tispiċċa tifraħ magħhom int ukoll.

    Martina hi studenta ambizzjuża fl-Università ta’ Malta u voluntiera ma’ Puttinu Cares.