Home Il-Vot Sittax

    Il-Vot Sittax

    4 minuti qari

    Il-Parlament Malti, b’mod unanimu, approva l-mozzjoni li tagħti l-vot liż-żgħażagħ li għalqu sittax-il sena. Hija miżura li kienet ilha tissemma u li bdiet tidħol bil-mod minn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2015 fejn żgħażagħ ta’ 'l fuq minn sittax-il sena tħallew jivvutaw għall-ewwel darba.
    B’din il-bidla, tfal li llum għandhom tnax-il sena, se jkunu eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss jekk din issir fiż-żmien skedat. Id-diskors miż-żewġ naħat tal-kamra kien jinkludi bosta referenzi għal maturità li għandhom iż-żgħażagħ u l-kontribut li se jagħtu fis-soċjetà permezz tal-leħen tagħhom.
    Ta’ dan, qatt ma kelli dubbju. Iż-żgħażagħ ma jibdewx l-attiviżmu tagħhom fis-soċjetà wara li jagħlqu it-tmintax-il sena. Hemm bosta għaqdiet non-governattivi, soċjali u reliġjużi li jagħtu spazju liż-żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom u jikkontribwixxu għal bidla fis-soċjetà tagħhom.
    Filfatt, it-tħassib tiegħi mhux dwar kif se jaġixxu ż-żgħażagħ imma tal-imġiba tal-politiċi quddiem l-elettorat il-ġdid.
    Il-politika f’Malta hija waħda avversarja kkaraterizzata minn antagoniżmu qawwi bejn il-partiti ewlenin. Hemm konfrontazzjoni diretta u, xi kultant, nuqqas kbir ta’ rispett għall-ideat li jaf iħaddan ħadd ieħor.
    Il-politiku għad għandu ħafna saħħa u l-politika hija passjonali u personali. Ftit nies jibqgħu indifferenti. Hemm min jemmen li l-politiku biss jista jiggarantixxi futur tajjeb għall-individwu u għad hemm il-biżgħa li jekk wieħed jitkellem taf issir xi forma ta’ vendikazzjoni. Il-politika tal-pjaċiri għad għandha rwol u anki kandidati u ex-membri parlamentari ikkumentaw dwar il-problemi li jaffaċjaw minħabba l-kultura tal-pjaċiri.
    Dan il-mod ta’ kif issir il-politika mhux sostenibbli.  Fuq medda ta’ żmien, joħloq ċertu ċiniċiżmu, inaqqar mill-fiduċja li hemm fl-istituzzjonijiet u biż-żmien il-kultura tal-pjaċiri ssir waħda li wieħed ma jkunx jista' jaħrab minnha. Anzi, ikun hemm min jgħidlek li jekk ma taċċettax dan il-mod li bih isiru l-affarijiet, titlef. Kif jgħid il-proverbju ċiniku Ingliż – if you can’t beat them, join them.
    Huwa għajb għalina jekk inħossuna komdi nintroduċu t-tfal f’din l-atmosfera.
    Filwaqt li ż-żgħażagħ ser jingħataw id-dritt tal-vot, hemm ħafna xi jsir biex tissaħaħ l-għodda li għandhom biex ikunu jistgħu jieħdu dawn id-deċiżjonijiet.
    F’dokument eċċellenti li ħarġet il-Kummissjoni Politika Soċjali tal-Kunsill Studenti Universitarji, saru diversi proposti li jelenkaw il-bżonn ta’ edukazzjoni ċivika fl-iskejjel. Huma proposti li jagħmlu sens f’kuntest fejn ma nistgħux inħarsu biss lejn iż-żgħażagħ bħala votanti tal-futur imma bħala ċittadini attivi li għandhom ukoll dmirijiet ċiviċi u leħen importanti.
    Ftit ‘il fuq minn sena ilu kont esplorajt xi ftit temi dwar l-edukazzjoni ċivika. Kont, u għadni nemmen li mingħajr edukazzjoni ċivika ma jista' qatt ikollna ċittadini infurmati u attivi. Dan għandu jkun il-pass li jmiss issa li ngħata l-vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena. 
    Mingħajr din it-tip ta’ edukazzjoni ser inkunu qed inkattru l-kultura politika preżenti li żgur iddejjaq lil ħafna nies u, nissuspetta, lil xi politiċi ukoll.  
    andre.deb@gmail.com
    André P. DeBattista huwa riċerkatur indipendenti fil-qasam tal-politika u l-affarijiet internazzjonali.