Home 5 snin wara...

    5 snin wara…

    4 minuti qari

    Għaddew ħames snin minn meta l-poplu Malti fid-9 ta’ Marzu tas-sena elfejn u tlettax għażel lill Joseph Muscat u l-Partit Laburista sabiex imexxu lil pajjiżna. Il-poplu għażel illi jagħti l-ġenb lill-politika tal-medjokrità illi konna drajna ngħixuha kuljum. Il-poplu għażel illi pajjiżna jaqbad vija ekonomika ġdida mibnija fuq l-ambizzjoni u l-innovazzjoni.
    Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt illi matul dawn l-aħħar ħames snin pajjiżna mexa ‘l quddiem bil-kbir. Min qatt kienet tgħaddilu minn moħħu illi dan il-pajjiż jibda jagħmel is-surplus minflok ma jkompli jżid mal-muntanja ta’ dejn insostenibbli illi kienu ħallewlna b’wirt amministrazzjoni Nazzjonalista wara l-oħra? Min qatt kien joħlom illi pajjiżna seta’ jagħmel qabżiet ta’ ġgant bħal dawn fid-drittijiet ċivili. Minn pajjiż fejn sena qabel l-elfejn u tlettax konna għadna qed niddiskutu d-dħul tad-divorzju għal pajjiż fejn illum spiċċaw jiġu leġiżlaturi barranin għandna sabiex jimplimentaw liġijiet simili għal dawk illi mexxejna ‘l quddiem matul dawn l-aħħar ħames snin.
    Minn qatt kien jobsor illi din iċ-ċkejkna Ma.ta tagħna setgħet tikseb riżultati tant sbieħ fil-qasam tal-ħolqien tal-impjiegi? Min qatt kien jobsor ħames snin ilu illi pajjiżna jkollu l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea u saħansitra jmur aħjar minn ġganti ekonomiċi bħall-Ġermanja!
    Għamilna dan u ħafna iktar affaċjati b’Oppożizzjoni illi sa mill-ewwel ġurnata tal-elfejn u tlettax qatt ma riedet taċċetta illi l-poplu kien warrabha u skreditaha. Oppożizzjoni illi meta rat illi f’Malta l-ħsara u l-velenu illi kienet qed tipprova tinjetta sabiex tfixkel ma kienx qed iħalli l-frott spiċċat tuża l-istituzzjonijiet Ewropej sabiex tfixkel. Tfixkil internazzjonali illi ma qata’ xejn, iżda illi però ma sewa xejn ħlief biex ikompli jnaqqar mill-fiduċja u l-kredibilità illi xi darba l-Partit Nazzjonalista kien igawdi.
    Matul dawn l-aħħar snin il-poplu mill-kwiet ta’ daru tkellem. Tkellem billi ta’ vot ta’ fiduċja wieħed wara l-ieħor lil Joseph Muscat u lill-Partit Laburista sabiex ikompli jmexxi. Tkellem u għadu jitkellem sal-ġurnata tal-lum ħames snin wara li l-Moviment Laburista beda jmexxi lill-pajjiżna hekk kif illum skond l-aħħar sondaġġ ippublikat ftit tal-jiem ilu jidher illi d-distakk bejn iż-żewġ partiti żdied għal madwar 90 elf vot.
    In-numri tas-surveys huma sbieħ, però ċertament illi l-isbaħ u l-aqwa riżultat jibqa’ l-avvanz soċjali illi qed jagħmel pajjiżna. Pajjiż illi kompla joħlom u ma straħx fuq is-suċċessi tal-passat iżda għadu qed joħlom sabiex ikun “leader” f’oqsma u niċeċ ekonomiċi ġodda. Hija din il-ħeġġa u l-enerġija illi l-poplu ivvota għaliha fl-elfejn u tlettax u f’Ġunju tas-sena illi għaddiet.
    Għalkemm dan il-Gvern wettaq ħafna żgur illi fadal sfidi ġodda illi rridu naraw kif ser inkomplu nindirizzaw. Fadal l-isfida tal-housing affordabbli, sfida illi sa ċertu punt inħolqot u kompliet tgħolli rasha minħabba l-avvanż ekonomiku illi qed jagħmel pajjiżna. Sfida illi nememn illi matul din il-leġiżlatura dan il-Gvern ser ikun qed jindirizza bl-aħjar mod possibli sabiex kulħadd jingħata d-dritt ta’ għejxien ta’ ħajja diċenti. Fadal ukoll l-isfida kontinwa illi nkomplu naħdmu sabiex il-ġid li qed noħolqu jkompli jinqasam b’mod ekwu bejn kullħadd, ħidma illi tkompli ssaħħaħ il-ġustizzja soċjali f’pajjiżna.
    Ċert illi dan il-Gvern ser ikompli jibdel wiċċ pajjiżna u jagħmel minn din Malta tagħna mhux biss l-għira tal-Ewropa iżda saħansitra l-għira tad-dinja. Il-ħdima tkompli…
    Dr Alex Saliba huwa attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.